Lokali Qorti

Suldat mhux ħati li kkaġuna feriti gravi fuq tfajla

Suldat ta’ 24 sena minn Naxxar ma nstabx ħati li fera gravament mara meta kien qed jiġi akkużat li ta daqqa ta’ ponn f’wiċċha ġewwa Paceville. Il-mara, Kelsey Psaila, kienet qalet lill-Pulizija li hija kienet fil-klabb Havana, fl-1 ta’ Mejju, 2017 meta nqalgħet ġlieda bejn żewġt irġiel, wieħed minnhom, is-suldat Robert Baldacchino.

Ħuha Adian Psaila u raġel ieħor intervjenew biex jikkalmaw is-sitwazzjoni, iżda skont hi Baldacchino ħebb għal ħuha. L-Uffiċjali tas-Sigurtà ntervjenew u l-mara qalet li fil-ħin li ħatfu lil ħuha, hija qaltilhom li dan ma kellux x’jaqsam. Kien dak il-ħin skont hi li Baldacchino ta daqqa ta’ ponn filwaqt li hi ħassa ħażin u spiċċat l-isptar.

Waqt ix-xhieda rriżulta li l-inċident kien ġie rrappurtat sigħat wara li kien seħħ u li Baldacchino ma kienx identifikat mill-ewwel mill-allegata vittma. L-allegat identità tiegħu saret magħrufa biss meta raġel f’party li sar l-għada, kien tenna li ta daqqa lil waħda mara.

Is-suldat ċaħad l-involviment tiegħu fil-każ u li ta xi daqqa ta’ ponn lil Psaila u anke kien talab lill-Pulizija biex jikkonfermaw dan permezz ta’ CCTV li hemm fil-post. Madankollu l-cameras, ma kienux qed jipprodu d-dettalji kollha mixtieqa.

Fis-sentenza tiegħu, l-Maġistrat Joe Mifsud qal li ngħatat evidenza konflinġenti dwar dak li verament kien seħħ u l-Prosekuzzjoni ma ppruvatx il-każ mingħajr dubju raġonevoli.

Minkejja li seħħet ġlieda fil-Havana, l-Qorti qalet li mhijex konvinta li kien Baldacchino li ta daqqa lil Psaila u kien inklinat fil-konsiderazzjonijiet tiegħu, li dan kien każ ta’ identità żbaljata. Baldacchino ma nstabx ħati li ħebb jew offenda lil Psaila.

Huwa iżda nstab ħati li ddisturba l-ordni pubblika u ġie mwissi. Għaih deher l-Avukat Joe Giglio filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Nikolai Sant.