Sport Sport Ieħor

Tikber l-istennija għall-40 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race

(Ritratt: Kurt Arrigo)

Wara li sena ilu r-Royal Malta Yacht Club iċċelebra il-50 anniversarju mill-ewwel edizzjoni, is-Sibt li ġej tibda l-40 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race. Dettalji ingħataw lill-ġurnalisti mill-Comodore tar-Royal Malta Yacht Club Godwin Zammit fejn madwar 115-il yacht fosthom 11-il yacht Malti, ser jieħdu sehem f’din l-edizzjoni.

Ir-rotta hi ta’ 608 mil nawtiku li minn Malta tibda lejn Capo Passero minn hemm għas-Stretto di Messina, wara lejn Stromboli u Favignana – Gżejjer Egadi u lura lejn Malta fir-rotta ta’ Pantalleria u Lampedusa, bid-daħla minn Kemmuna lejn Malta. L-Uffiċjal Prinċipali tat-Tlielaq u ċ-Chairman tal-Kumitat tat-Tellieqa Peter Dimech spjega li l-avvenimenti se jibdew nhar l-Erbgħa, meta sseħħ il-Coastal Race annwali.

Malta se tkun irrappreżentata minn 11-il jott, fosthom il-jott ġdid ta’ Lee Satariano, Artie III. Satariano, li rebaħ it-tellieqa fl-2011 u fl-2014, qed jagħmel ritorn wara nuqqas ta’ tliet snin. Timmy Camilleri (Xp-Act) li se jikkompeti fis-26 tellieqa tiegħu u l-aħwa Podesta fuq l-Elusive 2, se jkomplu bit-tradizzjoni tal-familja mibdija minn missierhom Arthur fl-1968.

Il-kompetituri l-oħra Comanche Raider III (Ramon Sant Hill), iż-żewġ jottijiet tal-Jarhead Young Sailor’s Foundation Jan  u Jarhead (Nikki Henderson) (Greg Nasmyth), Maltese Falcon II (Jonathan Camilleri Bowman), Ton Ton Laferla Insurance (Jonathan Gambin) Unica (Jamie Sammut) u Xpresso (Sean Borg). Vivace  ta’ Andrew Agius Delicata u Matthew Gabriele se jkun l-uniku jott Malti li ser jikkompeti fil-klassi Double Handed.

Yacht ieħor magħruf huwa Rambler tal-Amerikan George David. Sena ilu Rambler kiseb Line Honours għar-raba’ darba b’mod konsekuttiv u għad għandu rekord tal-korsa ta’ 47 siegħa 55 minuta u 3 sekondi.