Lokali

Tnedija ta’ ktieb li jfakkar it-‘Tnejn l-Iswed’

Black Monday – A night of mob violence ktieb li ġie mniedi fl-40 sena anniversarju tat-‘Tnejn l-Iswed’.

Il-ktieb ta’ Victor Aquilina, b’disinn ta’ Mark Schembri, sar b’kollaborazzjoni ma’ Kite Group u jirrakkonta dak li ġara fil-15 ta’ Ottubru fl-1979 u mhux biss, 40 sena ilu meta grupp ta’ partitarji Laburisti mhux biss kissru tliet każini tal-Partit Nazzjonalista iżda attakkaw u kissru d-dar tal-familja tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami u kissru u ħarqu l-istamperija tat-Times of Malta fil-Belt Valletta.

Preżenti għat-tnedija kien hemm numru ta’ kelliema li rabtu l-avvenimenti li ġraw snin ilu, avvenimenti bħat-‘Tnejn l-Iswed’, u dawk tas-snin tmenin, ma’ dak li ġara sentejn ilu, il-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Tul is-serata xxandru ukoll filmati li faċli tista’ torbothom mal-perjodu li jeħodna fih il-ktieb u mal-messaġġ li l-kitba trid twassal.

Il-ktieb joffri dettalji u rivelazzjonijiet ta’ dak li ġara, rakkonti, f’perjodu politiku ta’ theddida għall-ġustizzja u għal-libertà f’pajjiżna.

Il-ktieb jinkludi wkoll l-istampar mill-ġdid ta’ biċċa mill-gazzetta tat-Times of Malta l-għada ta’ dan l-inċident u li oriġinarjament kienet ġiet stampata fl-istamperija tal-Partit Nazzjonalista.

Dan il-ktieb jirrifletti l-importanza tal-ħarsien tad-demokrazija, id-drittijiet tal-ġurnalisti, id-drittijiet tal-kittieba, u ċ-ċensura – fuq kollox il-ħarsien tal-libertà tal-istampa, u kontra l-estremiżmu.Fl-istess attività kien hemm it-tnedija ta’ ktieb ieħor minn Kite Group bl-isem ta’ Navigating the Maltese Mediascape editjat minn Joe Borg u Mary Anne Lauri.