Sport Sport Ieħor

Żvelata r-rotta tas-sena d-dieħla tat-Tour de France

(Ritratt: EPA)

L-organizzaturi tat-Tour de France żvelaw ir-rotta tal-edizzjoni tas-sena d-dieħla li fosthom se jkun l-ewwel stadju fil-muntanja fit-tieni jum u time trial biss lejliet l-aħħar stadju. It-tellieqa tista’ tkun deċiża fl-istadju ta’ qabel tal-aħħar bi time trial individwali ta’ 36 kilometru, biċ-ċiklist Thibaut Pinot se jkun qed jikkompeti qrib il-post fejn trabba. Pinot kien viċin li jirbaħ l-edizzjoni ta’ din is-sena iżda kellu jirtira mweġġa’ ftit jiem bogħod mit-tmiem.

Egan Bernal se jkollu sfida interna f’Team Ineos hekk kif hu mistenni li jirritorna l-erba’ darbiet rebbieħ Chris Froome wara li falla l-edizzjoni ta’ din is-sena minħabba li weġġa’ ftit qabel il-bidu tat-Tour de France. Id-direttur tat-tellieqa Christian Prudhomme qal li huma jippruvaw jagħmlu t-Tour de France eċċitanti kemm jista’ jkun iżda żied li huma ċ-ċiklisti li jagħmlu t-tellieqa. Prudhomme li ilu f’din il-kariga mill-2006 prova jibdel ftit ir-rotta u din is-sena hemm stadji fil-muntanja mill-bidu sal-aħħar.

Fl-ewwel sitt ijiem se jkun hemm żewġ stadji li jintemmu fil-muntanja, xi ħaġa rari fit-Tour de France. It-tellieqa se tibqa’ fil-fruntieri Franċiżi u se tevita n-naħa ta’ fuq tal-pajjiż. L-edizzjoni tas-sena d-dieħla se tibda ġimgħa qabel mis-soltu minħabba l-Olimpjadi ta’ Tokyo. L-aħħar stadju wkoll se jintemm sagħtejn qabel is-sena l-oħra minħabba li xi ċiklisti se jmorru dirett lejn Tokyo.