Ċifri tal-Eurostat illum ikkonfermaw li f’pajjiżna hawn mad-89,000 persuna li jinsabu f’riskju ta’ faqar jew f’riskju ta’ esklużjoni soċjali. Dawn in-numri jindikaw l-ammont ta’ faqar f’Malta kif ikkalkulat sas-sena li għaddiet, filwaqt li jqabbel il-bidliet li seħħew f’għaxar snin.
Interessanti l-fatt illi filwaqt li l-faqar f’Malta mill-2008 għall-2018 żdied, f’ħafna pajjiżi Ewropej il-faqar u l-esklużjoni soċjali naqas. F’pajjiżi bħall-Bulgarija, il-Ġermanja, il-Fillandja u l-Portugall kien hemm tnaqqis fir-rata ta’ faqar.
Wieħed jinnota wkoll illi għalkemm b’mod perċentwali fuq 10 snin jidher tnaqqis, huwa evidenti li dawn in-numri huma dovuti għall-fatt li splodiet il-popolazzjoni. Il-verita’ tibqa’ li f’dan il-perijodu, f’numri reali, il-faqar u l-esklużjoni soċjali f’Malta żdied.
L-istatistika turi wkoll li 3% tal-Maltin lanqas għandhom biżejjed flus biex iħallsu l-kontijiet tad-dawl jew biex isaħħnu d-dar tagħhom fix-Xitwa.
Qabel tressaq il-Budget, l-Alleanza Kontra l-Faqar kienet appellat lill-Gvern biex idaħħal il-kunċett ta’ Living Income – li jkollok biżejjed flus biex twassal sal-aħħar tax-xahar; kunċett li l-Gvern injora kompletament.
Fl-aħħar statistika li kien ippubblika l-Gvern, kien intqal li f’Malta hawn
78,685 persuna f’riskju ta’ faqar. Iżda issa jidher li r-realta’ hi agħar minn hekk.
Il-PN ilu xhur twal jinsisti fuq il-bżonn li l-awtoritajiet jindirizzaw din is-sitwazzjoni u jkun hemm sinjal ċar mill-Gvern biex il-problema tal-faqar ma tibqax tintefa’ taħt it-tapit.
//= $special ?>