Lokali

Appell biex issir analiżi aktar profonda

Il-Budget għandu jkun proċess mifrux fuq il-pajjiż kollu u jsir wara riċerka, speċjalment meta jkunu se jiġu introdotti policies ekonomiċi ġodda. Il-Gvern għandu jara li jsir pjan ħolistiku.

Kliem is-Soċjologu Mario Vassallo waqt li kien fost il-mistiedna tal-programm NET Live, l-għada tal-Budget, fejn saret diskussjoni dwar kif dan l-eżerċizzju se jkun qed jaffetwa lill-Maltin u l-Għawdxin fil-ħajja tagħhom. (

Mario Vassallo qal li l-Gvern hu obbligat juża’ l-Budget biex jilqa’ għall-isfidi, lokali u internazzjonali, tant li jappella biex issir analiżi aktar profonda tas-soċjetà tagħna.

Mistoqsi dwar l-għoli tal-ħajja li qed jifga lill-poplu, is-Soċjologu appella wkoll biex il-Gvern jindirizza bis-serjetà kif tinħadem iż-żieda mogħtija halli din tkun verament tirrifletti l-basket ekonomiku tal-lum.

Matul il-programm tkellem ukoll Glenn Debattista, li jaħdem fis-settur tal-iGaming u li spjega wħud mill-isfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom dan is-settur. Fost l-oħrajn, hu jikkwota Kapijiet Eżekuttivi ta’ diversi kumpaniji, li kemm-il darba stqarrew kif iż-żieda eżaġerata fil-kirjiet qed tolqothom direttament.

Hu spjega kif ma’ din il-problema, jitfaċċa wkoll in-nuqqas ta’ riżorsa umana għax il-barranin jagħżlu pajjiżi oħrajn fejn imorru jaħdmu minflok ma jagħżlu lil pajjiżna.

Glenn Debattista nnota kif dan il-Budget qed jippreżenta miżuri short-term, għalkemm f’dan l-eżerċizzju, wieħed ikun qed jistenna miżuri aktar long-term. Fl-istess waqt, qed ikomplu jidhru fid-deher għadd ta’ inċertezzi li l-Gvern mhux qed jindirizza.

Hu appella biex isir xi ħaġa ħalli jissaħħaħ is-settur finanzjarju, partikolarment issa li qed nisimgħu bi sfidi ġodda li qed ikomplu jżidu t-tħassib fost in-negozjanti, speċjalment dawk barranin.

U min-naħa tiegħu, l-eks Editur tal-gazzetta il-mument Victor Camilleri esprima l-inkwiet tiegħu għall-fatt li ninsabu f’sitwazzjoni fejn pajjiżna ttappan sew mill-ħsara fir-reputazzjoni kkawżata mill-Gvern stess.

Temm li l-isfortuna tibqa’ li l-Gvern kellu diversi ċansijiet biex inaddaf isem Malta, iżda baqa’ xorta qatt ma għamel xejn.