Lokali

Bżonn ta’ infermieri fl-Iskejjel

L-Assoċjazzjoni Maltija dwar id-Dijabete qed tappella lill-Gvern biex jara li f’kull skola u istituzzjoni edukattiva jkun hemm infermiera kwalifikata f’każ ta’ kwalunkwe emerġenza li tista’ tinqala’.

Dawn l-infermieri huma essenzjali biex jitrattaw malajr kemm jista’ jkun sitwazzjonijiet bħall-inżul tal-livell taz-zokkor fid-demm. Għax jekk din is-sitwazzjoni ma tkunx trattata mill-ewwel, l-istudenti li jbatu mill-kundizzjoni tad-dijabete tat-tip 1, jistgħu jbatu minn riperkussjonijiet gravi f’saħħithom.

Fi stqarrija iebsa, l-Assoċjazzjoni qalet li ilha sena wara l-oħra tagħmel din it-talba, bil-wegħda li se tkun indirizzata kull darba … iżda dan qatt ma kien il-każ. Fil-fatt, ta’ kull sena qed insibu ma’ wiċċna l-istess sitwazzjoni, fejn studenti li jbatu mid-dijabete ma jingħatawx l-appoġġ mediku meħtieġ.

L-Assoċjazzjoni tenniet l-appell li l-infermieri għandhom ikunu preżenti fl-istituzzjonijiet edukattivi matul is-sigħat kollha tal-Iskola. Dan biex il-ġenituri u wliedhom igawdu mis-serħan il-moħħ f’każ ta’ kwalunkwe emerġenza medika.

Għax fuq kollox, temmet tgħid l-Assoċjazzjoni, li jkun hemm infermiera f’kull Skola mhix kappriċċ, iżda ħtieġa vitali.