Sentejn mill-mewt tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Sentejn ta’ stennija b’numru ta’ soċjetajiet ċivili baqgħu jidwu l-istess għajta dik ta’: “Ġustizzja u verità.”
Kien ftit qabel it-3pm ta’ sentejn ilu meta fil-Bidnija vettura li kienet qed tuża Caruana Galizia saret ballun tan-nar wara splużjoni fuq l-istess karozza.
Ma kinux biss mumenti ta’ dieqa; kienu mumenti ta’ rabja ghal dan l-att ċar li ħadha qatta’ bla ħabel kontra l-libertà tal-espressjoni u d-demokrazija f’pajjiżna.
Eluf ta’ Maltin f’dawn is-sentejn baqgħu jinżlu fit-toroq, jiltaqgħu u jġeddu l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia, Maltin li għadhom qed jistennew li toħroġ il-verità dwar min ordna l-qtil tal-ġurnalista, u għal liema raġuni.
Bosta għadhom jappellaw għal ġurnaliżmu indipendenti, bla biża’ għall-verità.
Dan il-qtil brutali, ġab attenzjoni internazzjonali hekk kif ftit tal-jiem ilu fit-talk show “Che tempo che fa” ġew mistiedna l-ulied ta’ Caruana Galizia b’appelli li tinħareġ il-ġustizzja, il-verità u li tintrefa’ r-responsabbiltà politika.
Intant fi stqarrija maħruġa llum, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin insista li bħala soċjeta’ irridu nibqgħu ninsistu biex inkunu nafu min qatel lil Daphne Caruana Galizia u għaliex inqatlet. L-IĠM insista ukoll fuq l-importanza li l-inkjesta indipendenti tkun tassew imparzjali.
//= $special ?>