Il-qagħda tal-anzjani f’pajjiżna fl-aħħar sitt snin flok tjiebet marret għall-agħar. Hekk intqal fi stqarrija maħruġa llum mill-Assoċjazzjoni Anzjani u Pensjonanti tal-PN (APAN).
Dan jirriżulta minn ċifri li joħorġu minn żmien għall-ieħor li juru li:
Il-pensjoni medja tal-Maltin hi ta’ €8,000 fis-sena meta l-medja tas-salarju annwali bażiku hi ta’ €19,500. Dan ifisser li l-pensjoni medja hi biss 41 fil-mija tas-salarju medju.
F’pajjiżna hawn iktar minn 18,000 li għandhom pensjoni taħt il-€500 kull erba’ ġimgħat.
In-numru tal-anzjani f’riskju tal-faqar fl-aħħar sitt snin żdied b’50 fil-mija biex illum hawn f’pajjiżna kwart tal-anzjani kollha f’riskju tal-faqar.
Quddiem dawn il-fatti konna nistennew li l-Gvern Laburista, li tant jiftaħar bis-surplus, fil-baġit jieħu miżuri straordinarji favur l-anzjani. Iżda dan ma seħħx. Il-Gvern ta lill-anzjani ż-żieda tal-għoli tal-ħajja, €3.49 fil-ġimgħa u magħha żied €3.51 fil-ġimgħa oħra. Hekk b’kollox l-pensjonanti kollha ngħataw €7.00 fil-ġimgħa – jew €364 fis-sena. Li jekk iżżidhom ma’ dawk b’pensjoni ta’ inqas minn €500 kull erba’ ġimgħat issib li xorta baqa’ l-istess numru ta’ pensjonanti, iktar minn 18,000 b’pensjoni ta’ inqas minn €500 kull erba’ ġimgħat. Għal ħafna pensjonanti dawn iridu jżidu magħhom somma ġmielha biex anke biss iħallsu l-kera!
Il-bonus ta’ €300 fis-sena għal dawk li jagħlqu il-75 sena u li jgħixu fi djarhom, bonus li kien introduċa l-Gvern ta’ Lawrence Gonzi u li fl-aħħar elezzjoni l-PN wiegħed li jgħolli għal €500 ser jiżdied b’€50. Mhux għal kulħadd, iżda għal dawk biss li jagħlqu it-80 sena!
Din ix-xeħħa mal-anzjani tkompli tispikka meta wieħed jara kemm il-Gvern ta’ Muscat huwa ġeneruż bil-miljuni mas-sinjuruni. Jekk il-Gvern qed jaħseb li dak li ta lill-pensjonanti hu adegwat, li b’dawn iż-żidiet ser joħroġ l-eluf kbar ta’ anzjani mir-riskju tal-faqar, qed jarralu. Biex dawn jibdew jgħixu flok jeżistu jridu jittieħdu miżuri ferm iktar b’saħħithom. Billi jraqqa’ l-pannu bil-qargħa aħmar skadut mhu ser jasal imkien u mhu qed jidħak b’ħadd.
//= $special ?>