Lokali Qtil Politiku

Il-Pulizija Maltija ‘ma aċċettatx evidenza’ – Pieter Omtzigt

“Ninsab imħasseb ferm minħabba li l-awtoritajiet m’aċċettawx evidenza li setgħet twassal għal min ordna l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Barraminhekk, inkwetat minħabba li Muscat (Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu) l-avukat tiegħu u kulmin hu involut, inkluż l-allegat intermedjarju, mhux qed jingħataw il-protezzjoni.”

Sostna dan Pieter Omzigt, Membru Parlamentari Olandiż u rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa f’kummenti mal-ġurnal The Guardian hekk kif qed jitfakkar it-tieni anniversarju mill-assassinju tal-ġurnalista Maltija.

Hu qal li uffiċjali individwali qed jagħmlu l-almu tagħhom imma l-Pulizija b’mod ġenerali u l-politiċi responsabbli mill-pulizija mhux qed iżommu mal-wegħda tal-Prim Ministru Joseph Muscat li se jipprova kull mezz biex isolvu dan il-qtil.

Il-ġurnal ikompli li hemm biża għas-sigurta’ ta’ Vince Muscat hekk kif dan qed jinżamm flimkien mal-allegati kompliċi tiegħu – l-aħwa Alfred u George Degiorgio – u qed jibża’ li se jsir attentat fuq ħajtu u mhux qed jiekol l-ikel provdut mill-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.

Omzigt semma wkoll id-dewmien biex jitneħħa wieħed mill-investigaturi minkejja li kellu kunflitt ta’ interess, li kienet rifjutata evidenza mill-laptop ta’ Daphne Caruana Galizia mill-pulizija Ġermaniża, l-eks Kap tal-Europol li lmenta dwar nuqqas ta’ koperazzjoni mill-pulizija Maltija u briefings anonimi lill-ġurnalisti dwar żblokk fl-investigazzjoni meta dan ma kienx il-każ.

The Guardian jirrapporta li meta ġie Malta, Omtzigt kellu bżonn skorta armata fuq parir tas-servizzi sigrieti Olandiżi. Hu investiga rapporti dwar tixħim u korruzzjoni fl-Ażerbajġan, spjunaġġ elettroniku mill-Istati Uniti u pajjiżi oħra, u t-twaqqiegħ tal-ajruplan ta’ Malaysian Airlines fuq l-Ukrajna fl-2014. Iżda din kienet l-ewwel darba li kellu bżonn protezzjoni mill-pulizija.

“Anki fil-Mongolia kien hemm min irriżenja wara li nkixef fl-iskandlu tal-Panama Papers,” tenna Omtzigt, “Kullimkien, kien hemm riżenji, minbarra f’Malta.”

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-pulizija f’Malta ma weġbux wara li ntalbu jikkummentaw minn The Guardian