Il-kowċ nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena Noel Turner sejjaħ skwadra ta’ 20 plejer għall-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew. Malta tinsab fi Grupp 13 kontra l-Awstrija, il-Bulgarija u n-Norveġja, bil-logħob jintlagħbu bejn illum u l-Erbgħa 23 ta’ Ottubru. Iż-żgħażagħ Maltin jilagħbu għada kontra l-Awstrija fis-1.00pm fil-Briskeby Arena, kontra n-Norveġja l-Ħadd fil-5.30pm fil-Raufoss Stadium u l-Erbgħa tal-ġimgħa d-dieħla kontra l-Bulgarija fil-5.00pm.
Turner flimkien mal-assistent tiegħu Mark Marlow, sejħu ħafna mill-plejers li ffurmaw parti mit-tim ta’ taħt is-16-il sena li lagħab il-UEFA Youth Development Tournament. Il-midfielder ta’ Pietà Hotspurs u d-difensur ta’ San Ġwann James Vella jinsabu mweġġgħin. F’dan it-tournament li sar f’Marzu li għadda f’pajjiżna, Malta rebħet 2-0 kontra l-Albanija filwaqt li tilfet 4-0 kontra d-Danimarka u 1-0 kontra l-Iskozja.
Bi preparazzjoni għal dawn il-logħbiet, f’Awwissu t-tim Malti ta’ taħt is-17-il sena ħa sehem fit-tournament annwali Trofeo Nereo Rocco. Huma rebħu kontra Pordenone Calcio 2-0 u tilfu kontra FC Karnten 1-0 u Napoli 2-1. Il-kontinġent Malti ħalla pajjiżna lejn in-Norveġja t-Tlieta.
Skwadra finali
Gowlkipers: Beppe Mangion (St. Mirren), Miguel Spiteri (Barnsley)
Difensuri: Sebastian Cassar Torregiani (St. Andrews), Isaac Cutajar (Pietà Hotspurs), Zean Leonardi (Pietà Hotspurs), Nikolai Micallef (Ħamrun Spartans), Russell Micallef Decesare (St. Andrews), Owen Sammut (Mosta), Luca Zammit (St. Andrews)
Midfielders: Nathan Agius (Mosta), Azriel Borg (Mosta), Brooklyn Borg (Pietà Hotspurs), Zachary Chetcuti (Valletta), Matteo Gambin (Żabbar St. Patrick), Jake Grech (San Ġwann), Brite Anayochi Ihoumah (Hibernians)
Attakkanti: Isaiah Micallef (Valletta), Antheos Spiteri (Valletta), Nathan Sultana (San Ġwann), Andrea Zammit (San Ġwann)
//= $special ?>