Futbol Sport

Jirriżenja l-President tal-Assoċjazzjoni Bulgarija wara l-logħba kontra l-Ingilterra

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Bulgarija Borislav Mihaylov irriżenja mill-kariga wara l-korijiet razzisti mmirati lejn il-plejers Ingliżi fil-logħba tat-Tnejn li għadda. Għalkemm l-Ingilterra ħarġet rebbieħa f’Sofia bl-iskor kbir ta’ 6-0, il-logħba kienet imtappan b’korijiet razzisti li waqqfu l-logħba darbtejn fl-ewwel taqsima.

Dak li seħħ fl-Istadium Nazzjonali Vasil Levski wasal ukoll għand l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż. Il-Prim Ministru Boyko Borissov ordna lil Mihaylov biex jirriżenja immedjatament, bl-ittra tar-riżenja tiegħu għandha tkun preżentata lill-membri tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni l-Ġimgħa. Borissov qal li hu inaċċettabbli li l-Bulgarija li hu wieħed mill-aktar stati tolleranti fid-dinja, ikun assoċjat mar-razziżmu.

Fi stqarrija, il-President tal-UEFA Aleksander Ceferin ħeġġeġ lill-gvernijiet biex iżidu “l-gwerra kontra r-razzisti” u jgħinu lill-awtoritajiet tal-futbol biex tkun eliminata mill-istadiums. Il-FIFA wkoll ħarġet stqarrija fejn ikkundannat dak li seħħ f’Sofia u ħeġġet lill-assoċjazzjonijiet membri biex ikunu tolleranti żero mar-razziżmu.

Skont ir-regolamenti tad-dixxiplina tal-UEFA marbuta mar-razziżmu, l-assoċjazzjoni Bulgara tista’ teħel sospensjoni ta’ logħba bil-bibien magħluqa u multa ta’ €50,000. Iżda taħt Artiklu 14, hemm ċirkostanzi li jistgħu jwasslu għal żieda ta’ miżuri dixxiplinarji bħal sospensjoni ta’ aktar minn logħba bil-bibien magħluqa, telf ta’ logħob, tnaqqis ta’ punti jew skwalifika mill-kompetizzjoni.