Lokali

Mijiet isellmu lil Daphne Caruana Galizia sentejn mill-qtil tagħha

Sentejn wara l-qtil makabru tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, l-Erbgħa pajjiżna reġa’ fakkar dan l-avveniment xokkanti f’għajta biex issir ġustizzja.

Wara quddies b’suffraġju fil-Knisja ta’ San Franġisk, fil-Belt Valletta, folla nies imxiet matul Triq ir-Repubblika sa quddiem il-Qorti. Hawn, diversi kelliema inkluż internazzjonali fosthom is-Sindku ta’ Palermo Leoluca Orlando għamlu messaġġ ċar lill-awtoritajiet biex isolvu dan il-każ.

Orlando qal li fil-passat f’Palermo kien hemm ħafna nies bħal Daphne, li ġew assassinati minħabba li tkellmu kontra l-mafja. Waqt li ddeskriva l-korruzzjoni bħala forma ta’ qtil, qal li llum il-ġurnata Palermo għeleb dik l-isfida, iżda wissa’ li l-bidla tista’ ssir biss jekk ikun hemm ir-rieda tal-awtoritajiet.

Fost il-messaġġi komuni li twasslu waqt din il-velja, kien hemm it-talba għall-ġustizzja u l-verità, sentejn wara l-qtil ta’ din il-ġurnalista li xxokkja lil pajjiżna. Dan hekk kif, tant żmien wara, għadna la nafu min ordna l-qtil tagħha u lanqas għaliex.

Din il-velja kienet il-qofol ta’ ġurnata ta’ attivitajiet oħra biex ifakkru lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Filgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u l-grupp parlamentari tiegħu poġġew kuruna tal-fjuri ħdejn il-mafkar tagħha waqt li waqfu għal xi mumenti biex jiftakru fiha.

Kmieni wara nofsinhar, fil-ħin li seħħet l-isplużjoni sentejn ilu, il-qniepen tal-Knisja tal-Bidnija daqqew mota waqt li folla nies inġabret fl-għalqa fejn waqfet il-vettura taqbad li kienet fiha Daphne Caruana Galizia.

Hawn saret ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri u xemgħat waqt li dawk preżenti nfexxew f’applaws biex isellmu lill-ġurnalista. Fost dawk preżenti kien hemm ukoll ir-raġel ta’ Daphne Caruana Galizia u wliedha.