Futbol Sport

Pogba u de Gea mistennija jitilfu l-logħba kontra Liverpool

Il-midfielder Paul Pogba mhux se jkun qed jilgħab fil-konfront importanti li Manchester United għandhom kontra Liverpool il-Ħadd li ġej f’Old Trafford. Dan id-dwell diġà hu importanti ħafna minħabba r-rivalità bejn iż-żewġ timijiet u s-sitwazzjoni fil-klassifika ta’ Manchester United. Huma jinsabu fit-12-il post fil-klassifika b’disa’ punti, tnejn fuq iż-żona tar-relegazzjoni, filwaqt li Liverpool għadhom b’punti massimi wara tmien logħbiet.

Il-Franċiż ta’ 26 sena qed isofri minn uġigħ f’siequ u mit-tmiem ta’ Awwissu lagħab biss darbtejn. L-aħħar logħba li lagħab kienet fid-draw ta’ 1-1 kontra Arsenal f’Old Trafford fit-30 ta’ Settembru. Hu ma lagħbx fit-telfa ta’ 1-0 kontra Newcastle u tul il-waqfa internazzjonali ma rkuprax fil-ħin.

Jekk in-nuqqas ta’ Pogba se jinħass, l-istess jista’ jingħad għall-gowlkiper David de Gea li mhux mistenni jkun bejn il-lasta l-Ħadd li ġej. Illum se jsirulu xi testijiet biex jiġi aċċertat il-gravità fuq uġigħ fil-groin. Il-gowlkiper kien sfurzat joħroġ fit-tieni taqsima tal-konfront bejn l-Iżvezja u Spanja t-Tlieta filgħaxija. Għalhekk mistenni jkun Sergio Romero li jilgħab.