Sport Sport Ieħor

Rebħiet għal White Hart u Sliema Hotsticks fl-ewwel logħbiet taċ-Challenge Cup

Il-Ħadd li għadda bdiet it-tieni kompetizzjoni organizzata mill-Assoċjazzjoni Maltija b’żewġ logħbiet miċ-Challenge Cup. Fl-ewwel logħba, White Hart għelbu lil Rabat 4-0. Dan ir-riżultat jikkonferma l-ħidma li saret mill-kumitat tal-klabb hekk kif fis-sajf kien qed jingħad li White Hart seta’ jkollhom problemi kbar biex jipparteċipaw f’dan l-istaġun. Huma għandhom skwadra magħmula minn plejers prodotti tal-klabb, plejers veterani u oħrajn mislufa minn klabbs oħra.

Sa tmiem l-ewwel taqsima, il-logħba kienet bilanċjata u ma kinitx sorpriża li l-iskor ma kienx għadu nfetaħ. Iżda fit-tieni perjodu tal-logħba, White Hart sfruttaw l-għajja ta’ Rabtin u skorjaw darbtejn permezz ta’ Keith Scicluna u Carl Tua biex fl-aħħar kwarta skorjaw darbtejn oħra permezz ta’ Paul Torpiano u Simon Baldacchino.

Sliema Hotsticks ħarġu rebbieħa fuq Floriana Youngstars 2-0. Il-gowls Slimiżi ġew skorjati fit-tielet kwarta, l-ewwel permezz ta’ Julian Zahra minn korner qasir waqt li t-tieni gowl wasal minn ġirja tajba ta’ Christ Agius. Fl-aħħar kwarta, Floriana Young Stars għamlu reazzjoni tajba iżda l-gowlkiper ta’ Hotsticks Emile Borg żamm il-vantaġġ tat-tim tiegħu meta salva diversi tentattivi. Hu saħansitra laqa’ penalty ta’ Edward Hughes. L-umpires kienu Keith Calleja u John Williams.

Logħob li jmiss

Challenge Cup

Il-Ħadd: Qormi Daikin v Rabat 10.00am

Tags