Lokali

“Se niffoka fuq opportunitajiet ġodda fis-settur privat, filwaqt li nibqa’ naħdem fis-7 Distrett”

"Jiena għidt lil Adrian Delia li lest ngħin lill-PN fejn ikun meħtieġ"

Il-Kordinatur Politiku tal-PN Jean Pierre Debono irriżenja mill-kariga tiegħu sabiex jidħol għal opportunitajiet ġodda fis-settur privat. Dan ħabbru l-istess Debono f’port fuq Facebook.

Jean Pierre Debono qal illi kien nhar it-Tnejn li għadda meta f’laqgha li kellu mal-Kap tal-PN Adrian Delia preżentalu ittra li fiha kkomunikalu li se jkun qed jittermina s-servizzi tiegħu bħala Chief Political Co-ordinator fil-Partit Nazzjonalista. Da sabiex jiffoka l-ħidma tiegħu fuq ix-xogħol il-ġdid mas-settur privat u fuq il-kandidatura mal-PN fuq is-7 Distrett.

“Jiena għidt lil Adrian Delia li lest ngħin lill-PN fejn ikun meħtieġ. Ovvjament nirringrazzja lil kull min kelli l-opportunità naħdem u nitgħallem miegħu jew magħha b’mod partikulari l-erba’ Kapijiet tal-PN li tawni l-opportunità naħdem magħhom”.

“Qiegħed nagħmel din it-tranżizzjoni biex waqt li niffoka fuq l-impenji tiegħi distrettwali b’risq il-Partit Nazzjonalista, nagħmel spazju għal aktar demm ġdid u ideat ġodda fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Jiena dispost biex fiż-żmien sakemm nispiċċa definittivament mill-kariga ta’ Chief Political Co-ordinator nikkopera b’mod sħiħ mal-persuna li se tkun qed tieħu dawn ir-responsabbiltajiet minfloki ħalli l-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jkompli bil-ħidma tiegħu bla ebda skossi biex finalment jerġa’ jkun fil-Gvern b’risq il-poplu Malti u Għawdxi kollu.”