Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia akkumpanjat minn Membri Parlamentari u Uffiċċjali tal-Partit, dalgħodu poġġa kuruna tal-fjuri fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir fit-tieni anniversarju mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-monument Nazzjonali tal-Assedju huwa wkoll il-monument spontanju fil-Belt li miegħu hija marbuta t-tifkira ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Partit Nazzjonalista tul dawn is-sentejn ħa sensiela ta’ inizjattivi fil-Parlament u barra sabiex issir ġustizzja sħiħa u kull min hu responsabbli jitressaq għall-proċess kriminali fil-Qorti. L-Oppożizzjoni ressqet ukoll mozzjoni fil-Parlament biex titwaqqaf investigazzjoni pubblika indipendenti biex jiġi investigat x’responsabbiltà għandu jġorr l-Istat Malti f’dan l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-membri tal-Gvern fil-Parlament kienu vvutaw kontra din il-mozzjoni.
Adrian Delia sostna li huwa d-dmir ta’ kull Malti u Maltija, hi x’inhi l-fehma, li jfakkru din il-ġurnalista u kittieba. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li kulħadd għandu d-dmir li jippromwovi kunsens nazzjonali madwar il-valur tal-figura ta’ ġurnalista li ġiet assassinata proprju għax bl-investigazzjonijiet tagħha f’każijiet ta’ korruzzjoni, ksur ta’ liġi u abbużi fittxet li tipproteġi liċ-ċittadini Maltin.
Il-PN jħeġġeġ lil dawk kollha ta’ rieda tajba u li jridu li toħroġ il-verità u li ssir ġustizzja biex jingħaqdu fil-velja organizatta llejla mis-socjetà ċivili fil-Belt Valletta. Il-Partit Nazzjonalista jfakkar ukoll li:
- Sal-lum il-ġurnata, sentejn mill-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia, l-Gvern u l-awtoritajiet naqsu milli jistabbilixxu min ordna l-qtil ta’ Daphne Caruana Galzia.
- Jinnota li minkejja l-aħħar rivelazzjonijiet mill-ġurnal The Sunday Times of Malta, ma kien hemm ebda żvilupp jew tal-anqas reazzjoni mill-Kummissarju tal-Pulizija.
- Juri l-istmerrija tiegħu għall-fatt li l-Gvern kaxkar saqajħ għal xhur sħaħ biex isejjaħ inkjesta pubblika minkejja l-appell tal-Oppożizzjoni u tal-Kunsill tal-Ewropa. Jerġa’ jirrimarka li l-membri tal-Bord tal-Inkjesta għandhom igawdu l-fiduċja ta’ kulħadd biex ma jitħalla l-ebda dubju.
- Jinnota li l-Gvern baqa’ ma ppubblikax ir-rapport kollu tal-inkjesta Egrant u qed juża partijiet minn dan ir-rapport kif jaqbel lilu biex jipprova jiskredita x-xogħol investigattiv ta’ Daphne Caruana Galizia.
- Jiddeplora l-aġir tal-Gvern li jippermetti li kuljum juża t-taxxi tal-poplu biex jiknes il-mafkar spontanju ta’ Daphne Caruana Galizia quddiem il-qorti, simbolu tal-għajta għall-ġustizzja.
- Il-Gvern Laburista mhux talli mhux iħalli no stone unturned talli qed jaddotta attitudni ta’ business as usual hekk kif mhu qed juri l-ebda ħeġġa biex ssir ġustizzja anzi qed ixettel kultura ta’ impunità.
- Ifakkar li qtil ta’ ġurnalista hu ta’ dannu kbir għad-demokrazija ta’ pajjiż għaliex iċaħħad lin-nies minn informazzjoni li huma għandhom dritt li jkunu infurmati dwarha filwaqt li jħalli chilling effect fuq is-soċjetà u fuq il-libertà tal-espressjoni u tal-midja.
Filwaqt li Joseph Muscat ma jridx li ssir ġustizzja u li toħroġ il-verità, l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun fuq quddiem sabiex toħroġ il-verità kollha u ssir ġustizzja.
//= $special ?>