Formula 1 Sport

Tikber il-possibbiltà ta’ Grand Prix tal-Formula 1 f’Miami

(Ritratt: Miami GP F1)

Tkompli tikber il-possibbiltà li ssir Grand Prix f’Miami hekk kif il-Formula 1 permezz ta’ Liberty Stadium u s-sidien ta’ Hard Rock Stadium laħqu dtehim fil-prinċipju għal ċirkwit madwar l-istadium tat-tim tal-NFL Miami Dolphins. Fi stqarrija konġunta fuq twitter, tħabbru l-pjanijiet u ġie kkonfermat li ġie ffirmat ftehim preliminari.

Id-Direttur Maniġerjali Kummerċjali tal-Formula 1 Sean Bratches u l-Viċi Chairman ta’ Miami Dolphins Tom Garfinkel iffirmaw din l-istqarrija. Fiha ntqal li b’impatt annwali ta’ madwar €360 miljun u 35,000 iljieli f’lukandi, il-Grand Prix se tagħti spinta lin-Nofsinhar ta’ Florida kull sena.

Ritratti ġġenerati mit-teknoloġija, taw idea ta’ kif jista’ jkun dan iċ-ċirkwit. Jekk il-permessi kollha meħtieġa jkunu konfermati, l-ewwel tellieqa għandha sseħħ f’Mejju tal-2021. Il-Grand Prix attwali tal-Istati Uniti f’Austin għandha kuntratt sal-2021 u dan iffiser li mistenni jkun żewġ tlielaq fl-Istati Uniti għall-ewwel darba mill-1984.

Minn meta saru sidien tal-Formula 1 kważi tliet snin ilu, Liberty Media għamluha l-intenzjoni tagħhom li jżidu bliet ta’ destinazzjoni fil-kalendarju tagħhom, bl-Istati Uniti wieħed mill-miri ewlenin tagħhom. Mis-sena l-oħra kien hemm ħsibijiet biex issir tellieqa fit-toroq ta’ Miami iżda dawn kienu posposti fost tħassib fuq iċ-ċirkwit u protesti min-nies tal-lokali.