Wara l-budget il-familji għadhom iridu jaraw kif se jlaħħqu mal-ispejjeż bażiċi li ta’ kull sena qed jogħlew, fosthom il-ħalib, prodotti tal-ikel u l-prezz tal-fjuwil.
Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt li kien intervistat minn Louise Tedesco fil-programm Fid-Dettall fuq Net Television.
“Il-ħaddiema tagħna, il-familji tagħna, il-Maltin u Għawdxin, wara dan il-budget, problemi kellhom biex ilaħħqu mal-ħajja u problemi għad għandhom. Dawk fil-faxex il-baxxi tas-soċjetà, baqgħu eżatt fejn kienu. It’s a far cry mis-sinjuri żgħar li qed jgħid li se nsiru lkoll Joseph Muscat,” iddikjara Adrian Delia.
Meta tkellem dwar iż-żieda ta’ €3.49 għall-għoli tal-ħajja, Adrian Delia nnota kif din diġa ttieklet minn żieda ferm ogħla fil-prezz ta’ prodotti bażiċi. “Ikkumpensa, u mhux biżżejjed, għal dik li diġa’ hi n-nefqa li żdiedet f’affarijiet li nikkunsmaw kuljum, ta’ bilfors. Mhux għażla, mhux kapriċċ, mhux tas-sinjuri ż-żgħar imma ta’ dak li hu l-ikel ta’ kuljum.”
U min għadu jistenna post tal-Gvern biex ikollu saqaf fuq rasu, għadu qed jistenna l-ewwel appartament mibni minn Gvern Laburista, li reġa’ wiegħed iktar appartamenti għal budget ieħor kosnekuttiv.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia esprima diżappunt li l-Gvern Laburista reġa’ tilef opportunità biex jindirizza d-defiċit istituzzjonali li għandu pajjiżna – deficit li dwaru tkellmet ukoll il-Kamra tal-Kummerc.
“L-istituzzjonijiet kollha f’pajjiżna nħatfu minn dan il-Gvern. Rapport wara l-ieħor li jgħid li power is concentrated in the hands of one person u ‘lil hinn mill-prinċipji u t-teoriji, l-effett li dan kollu qed ikollu fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna b’theddida għal eluf ta’ impjiegi,” fakkar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Adrian Delia semma’ kif, fost oħrajn, tliet Ministri Laburisti ma jridux li l-poplu jkun jaf il-verità dwar Egrant għax jirrifjutaw li jixhdu quddiem il-Qorti.
U waqt li faħħar inizjattivi bħall-eliminazzjoni tas-single use plastic, Adrian Delia spjega kif anke fl-ambjent il-Gvern ħela opportunità oħra. “Ftit ġranet ilu tlabna li niddikjaraw emerġenza fil-klima. Kellu opportunità tad-deheb il-Gvern li jibda mill-budget u jgħid li jirrikonoxxiha din il-problema.”
Adrian Delia qal li l-budget jonqos milli joffri pjan fit-tul. Ma jissemmewx sorsi ta’ enerġija alternattiva differenti u m’hemm l-ebda pjan biex titnaqqas iż-żieda fil-karozzi. Dan minkejja li ta’ kull sena, kważi 600 persuna jmutu minħabba mard respiratorju….. b’pajjiżna għandu l-agħar arja fl-Ewropa.
L-ebda viżjoni wkoll għas-settur tas-saħħa, is-servizzi finanzjarji u l-gaming, għal industriji ġodda jew għal industriji li qed ibatu, bħal dak tal-manifattura.
//= $special ?>