Lokali

”Konrad Mizzi u Keith Schembri huma problemi Ewropej” – Casa

“Ma nistgħux inġibu lil Daphne Caruana Galizia lura. Imma dak li nistgħu nagħmlu hu li nifhmu profondmament il-kumbattimenti tagħha li kella tiffaċċja kulljum f’ħajjitha, u nieħdu azzjoni sabiex il-ġurnalisti ma jgħaddux minn dak li kellha tgħaddi minnu hi.”

Dan iddikjarah l-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa waqt avveniment li seħħ illum fil-Parlament Ewropew intitolat “Tirriskja kollox biex tħares il-valuri tal-UE u d-demokrazija: Nipproteġu l-ġurnalisti fl-UE”.Il-Kwestur tal-Parlament Ewropew David Casa nnota li Daphne Caruana Galizia kienet fil-mira ta’ kampanja kkoordinata u li ma taqta’ qatt ta’ mibegħda li damet għaxar snin.

Liema kampanja wasslet imbagħad f’diversi theddid legali u abbużivi kontra tagħha, magħrufa bħala SLAPP. F’ċerti każijiet, dawn kienu ppjanati flimkien ma’ persuni fl-ogħla livelli tal-poter f’Malta.“Għandu jkun hemm konsegwenzi fuq l-imminar sistemiku ta’ ġurnalisti fi stat membru tal-UE. U rridu nindirizzaw b’mod effettiv l-użu ta’ kawżi biex jintimidaw u jattakkaw lill-ġurnalisti “, iddikjara Casa.David Casa rringrazzja lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea innominata Vera Jourova għax-xogħol tagħha fl-aħħar leġiżlatura, li kienet ukoll parti mill-panel ta’ kelliema matul din it-taħdida.

“Naf kemm il-Kummissarju Jourova ħadmet fuq dawn il-kwistjonijiet. Naf li hemm xi mistoqsijiet legali kumplessi li ttardjaw il-progress. Madankollu, hija l-konvinzjoni soda tiegħi li dawn l-isfidi jistgħu jiġu megħluba ”.Casa rrefera wkoll għall-importanza li jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet jagħmlu d-dover tagħhom.

“Daphne kienet l-iktar f’pożizzjoni vulnerabbli meta dawk li hi esponiet baqgħu f’pożizzjoni tal-poter. Ġurnalist għandu wkoll il-limitazzjonijiet tiegħu. Wara l-investigazzjoni magħmula minn ġurnalist, huma l-istituzzjonijiet tal-pajjiż li jridu jagħmlu d-dmirijiet tagħhom. Ġurnalist ma jistax iressaq il-qorti s-suspettati.

Dawk li Daphne esponiethom bħala korrotti – involuti f’attività kriminali – ghadhom jżommu kariga pubblika llum. “Casa rrefera għax-xogħol ta’ Daphne Caruana Galizia fuq il-Panama Papers kif ukoll għall-ħidma tagħha fuq 17 Black li ġiet imwaqqfa milli tispiċċiha. Huwa ddikjara li ma kienx aċċettabbli li is-sid ta’ 17 Black Yorgen Fenech ikompli jmexxi l-power station ta’ Malta.

“Il-Panama Papers wasslu għal riżenji f’pajjiżi bħall-Pakistan u l-Mongolja, imma mhux f’Malta – stat membru tal-UE. F’Malta, Konrad Mizzi bħalissa qed jaspira li jsir il-Prim Ministru li jmiss f’Malta. Aħna rridu nkunu aktar b’saħħitna meta niġġieldu kontra dawn it-travestiji tal-ġustizzja. Konrad Mizzi, Keith Schembri u Yorgen Fenech mhumiex biss problemi Maltin. Huma problemi Ewropej.Il-ġurnalisti ma jkunux siguri waqt li jkunu waħedhom bejn is-saltna tad-dritt u dawk li jixtiequ jdgħajfuha”.