Edukazzjoni Lokali

Aġir abbużiv mal-edukaturi

Il-Union of Professional Educators (il-UPE), tinsab imħassba serjament bl-aġir abbużiv li d-dipatiment tal-Edukazzjoni qed juża mal-edukaturi. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jabbuża lill-edukaturi meta qed jonqos milli jħallashom is-sahra li jaħdmu. Hi xokkanti li għandna edukaturi li jaħdmu siegħa u nofs overtime u d-dipartiment tal-Edukazzjoni jħallashom ta’ siegħa waħda biss.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-President tal-UPE Graham Sansone, sostna li bħala union ma jistax jaċċetta li l-edukaturi mhumiex jingħataw informazzjoni importanti rigward ix-xogħol tagħhom u l-ħlas reletat miegħu. Il-UPE qed tghid illi d-Dipartiment tal-Edukazzjoni qed jiġi jaqa’ u jqum mid-drittijiet li tagħti l-liġi tax-xogħol tal-ħaddiema fejn tidħol l-informazzjoni xierqa. Biex l-edukaturi ma jkunux jafu r-ratios ta’ kemm suppost ikun hemm edukaturi ma’ kemm-il student fuq iil-vannijiet tar-Resource Centres, id-dipartiment qed jirrifjuta li jippubblika d-dokument uffiċjali li jiddetermina dawn ir-ratios.

Graham Sansone tkellem ukoll dwar id-diskrepanza li hemm fil-paga għall-LSE’s li gradwaw din is-sena u l-oħrajn li gradwaw fis-snin preċedenti. Diskrepanza li qed toħloq inġustizzja inkredibbli f’dan is-settur.

Konsegwenza ta’ dan kollu, il-UPE ħarġu tliet direttivi għall-membri tagħhom. Graham Sansone saħaq li kemm-il darba prova jkellem lill-Ministru tal-Edukazzjoni imma qatt ma waslu mkien.

Il-UPE ħabbret li nhar it-Tnejn se jidħlu fis-seħħ direttivi ġodda li għadhom x’jaqsmu mat-trasport.

Finalment il-UPE tisħaq li mhux se tibqa’ siekta għal dawn l-abbużi u se tkun qiegħda hemm sabiex tiddefendi u tipproteġi lill-edukaturi u d-drittijiet tagħhom.