“Iktar minn tlett snin ilu r-Renju Unit iddeċieda, permezz ta’ referendum, li joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Aħna rrispettajna dik id-deċiżjoni u nibqgħu nirrispettawha. Però issa wasal il-mument tal-għażla.”
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt is-summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fi Brussell.
Aktar kmieni llum tħabbar ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit dwar il-Brexit, liema ftehim għad irid jiġi approvat minn Kapijiet ta’ Stat fil-Kunsill Ewropew u wara jrid jiġi approvat mill-Parlament Ewropew u dak tar-Renju Unit.
Adrian Delia qal li dan huwa mument ta’ deċiżjoni. Ma nistgħux nibqgħu nġebbdu l-inċertezza u l-instabilità li minnhom qegħdin ibatu ċ-ċittadini u n-negozji Ewropej, inkluż dawk Maltin u Għawdxin. Huwa qal li dawn it-tlett snin li għaddew kienu iebsa ferm għall-Maltin li joqogħdu fir-Renju Unit kif ukoll għan-negozji Maltin li jimpurtaw u jesportaw mir-Renju Unit u għalhekk huwa neċessarju li dan il-kapitlu jingħalaq darba għal dejjem b’mod amikevoli biex tirritorna l-istabbilità.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista innota b’sodisfazzjon li r-Repubblika tal-Irlanda sabet appoġġ inkondizzjonat mill-Unjoni Ewropea matul dawn it-tlett snin. Malta bħala l-iżgħar pajjiż tal-Unjoni għandha tagħraf dan il-fatt u tapprezzah.
Adrian Delia rringrazzja lil President tal-Kumissjoni Ewropea Jean Claude Juncker kif ukoll lill-Kap negozjatur tal-Unjoni Ewropea għall-Brexit Michel Barnier tax-xogħol imprezzabbli li għamlu matul dawn is-snin. Fil-ftuħ tas-summit, Adrian Delia talab lill-kollegi fil-Partit Popolari Ewropew biex tinżamm minuta ta’ silenzju bħala memorja f’għeluq is-sentejn mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
//= $special ?>