“Stennejna aktar mill-Budget 2020”.
Dan qalu l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM – Voice of the Workers Josef Vella meta kien qed jikkumenta fil-programm Feedback fuq NET FM.
Huwa tenna bosta drabi li bis-surplus li tant jiftahar bih il-Gvern Laburista, fil-budget imħabbar għas-sena d-dieħla kellhom jiġu indirizzati l-isfidi li qed jiffaċjaw il-ħaddiema u l-familji.
Vella sostna li dak li hu tal-ħaddiem kellu jingħata kollu, u li ma jistax ikun li inghatat żieda bħal dik, meta l-prezzijiet tal-prodotti essenzjali bħall-ħalib u l-ħobż baqgħu jgħolew.
Intant dwar l-għoli tal-prezzijiet tal-fuel, Josef Vella qal li ma kienx ġust dak li qal il-Ministru Scicluna dwar il-prezz tal-fjuwil f’Malta, għax ma tteħidx fil-kuntest tal-pagi baxxi li hawn f’pajjiżna.
Josef Vella qal li l-Gvern f’dan il-budget m’affrontax l-isfidi tal-pajjiż, fosthom dik tat-transport. Huwa tenna li l-Gvern ma semax lanqas mill-ideat tal-UĦM.
Huwa kompla li għalkemm żied il-prezz tal-fjuwil, u l-poplu jrid alternattivi oħra tat-trasport, il-Gvern baqa’ ma offriex dawn l-alternattivi, anzi ħarab milli jindirizzahom.
Fuq kollox, il-Kap Ezekuttiv tal-UĦM insista li is-surplus mhux jitwassal għand il-poplu kollu.
//= $special ?>