AWSTRIJA ……………….. 6
MALTA …………………….. 0
It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena kellu debutt mill-iktar diffiċli fin-Norveġja fi Grupp 13 ta’ kwalifikazzjoni tal-kampjonat tal-UEFA ta’ taħt is-17-il sena meta kien megħlub mill-Awstrija 6-0.
Għat-tim imexxi minn Noel Turner u Mark Marlow dan kien bla dubju riżultat xejn mixtieq fejn l-avversarji tagħna ddominaw għal kollox il-logħba u kienu diġa’ prattikament ċerti mir-rebħa meta bnew vantaġġ ta’ erba’ gowls sal-intervall.
Fil-logħba l-oħra mill-istess grupp, in-Norveġja li qed jospitaw dan il-Grupp kisbu rebħa ta’ 2-1 fuq il-Bulgarija.
L-impenn li jmiss għat-tim Malti jkun nhar il-Ħadd fil-5.30pm kontra n-Norveġja u jtemm l-impenji tiegħu l-Erbgħa 23 ta’ Ottubru fil-5.00pm kontra l-Bulgarija.
L-Awstrija fetħu l-iskor wara 13-il minuta permezz ta’ Damir u ħames minuti wara kien Wallner li skorja t-tieni gowl. L-iskor sar 3-0 fit-33 minuta meta Kanuric għeleb lil Spiteri u tmien minuti mill-intervall Havel għamilhom 4-0.
Fit-tieni taqsima l-andament tal-logħba ftit inbidel bl-Awstrijaċi jiddominaw u lejn tmiem il-logħba skorjaw darbtejn oħra permezz ta’ Barlov fit-83 minuta u Coco fit-92 minuta.
It-tim Malti lagħab b’din il-formazzjoni:
Malta: Miguel Spiteri, Zean Leonardi, Nikolai Micallef, Isaac Cutajar, Russell Micallef Decesare, Nathan Agius (Luca Zammit 91’), Antheos Spiteri (Isaiah Micallef 62’), Andrea Zammit, Anayochi Ihoumah (Zachary Chetcuti 80’), Nathan Sultana (Jake Grech 46’), Azriel Borg (Brooklyn Borg 46’).