Lokali

Eluf ta’ sidien ta’ karozzi u xufiera mhumiex sodisfatti bid-Diskors tal-Baġit

Għas-seba’ sena konsekuttiva, il-Ministru tal-Finanzi naqas milli jindirizza l-ħtiġijiet ta’ mobbiltà ta’ eluf ta’ sidien tal-karozzi u xufiera, filwaqt li ma ndirizzax il-piż tat-tassazzjoni tal-vetturi.

Alfred Farrugia f’isem il-Malta Automobile Club fi stqarrija qal li t-tassazzjoni tal-vetturi f’Malta bħala persentaġġ ta’ tassazzjoni totali huwa l-ogħla fl-Unjoni Ewropea Iżda jidher li l-Gvern ma jimpurtahx minn dan. Din it-tassazzjoni ta’ 3.4% hija prattikament tliet darbiet iktar mill-medja tat-tmienja u għoxin pajjiż tal-Unjoni Ewropea.

L-istqarrija tgħid li l-anzjani li għandhom ‘il fuq minn 75 sena għandhom bżonn tnaqqis fil-prezz tal-liċenzja tas-sewqan. Dan għaliex it-trapost pubbliku ma jissodisfax il-bżonnijiet taghhom… iżda jidher li  Joseph Muscat huwa insensibbli għal dan kollu.

Il-Gvern mhux konxju wkoll dwar il-bidla fil-klima u l-emissjonijiet. L-istqarrija ssaqsi għaliex il-Prim Ministru Joseph Muscat ma ħax sehem fis-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-klima li sar f’Settembru li għadda.

L-istqarrija ttem tgħid li jekk il-Gvern jimporta l-fuel tat-tip E10 f’pajjiżna, kważi tliet miljun ewro jistgħu jiġu frankati fuq il-kont tal-importazzjoni tal-enerġija.