Eks gwardjan ma’ kamp tal-konċentrazzjoni tan-Nażi beda għaddej ġuri, fil-belt ta’ Hamburg, fejn qed ikun akkużat dwar ir-rwol tiegħu fl-omiċidju ta’ 5,230 persuna lejn l-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-proċess ta’ Bruno Dey jista’ ikun wieħed mill-aħħar prosekuzzjonijiet għal anzjani akkużati b’konnessjoni mar-reati tal-gwerra li kienu wettqu n-Nażisti ta’ Adolf Hitler.
Bruno Dey kien jifforma parti mill-qawwa li ħadet ħsieb it-torrijiet, fil-kamp tal-konċentrazzjoni ta’ Stutthof, fejn il-gwardjani kienu jħarsu kontra kull tentattiv tal-priġunieri biex jaħarbu. Stutthof jinsab qrib il-belt ta’ Gdansk, fil-Polonja.
Peress li l-imputat kellu biss 17 u 18-il sena meta seħħew l-allegati reati fl-aħħar xhur tat-Tieni Gwerra, hu qed jgħaddi l-ġuri f’qorti li jipproċessa reati ‘taż-żgħażagħ’.
Għexieren ta’ eluf ta’ nies, fil-parti kbira Lhud, mietu f’dan il-kamp partikulari tul is-sitt snin li baqa’ jiffunzjona. Ħafna mill-priġunieri kienu nqatlu fil-kamra tal-gass tal-kumpless waqt li priġunieri oħrajn mietu eżawriti, inkella b’konsegwenza tal-mard u l-ġuħ.
Il-prosekuturi qed jinsistu li l-gwardjani fil-kamp ta’ Stutthof kienu ‘involuti’ fil-qtil tal-priġunieri minħabba l-fatt li huma kienu waqqfu lill-istess priġunieri milli jaħarbu mill-kamp inkwistjoni, li kien fost l-aħħar kampijiet li kienu liberati mill-qawwiet tal-Alleati, fl-1945.
Fil-Ġermanja hemm 29 każ miftuħ kontra n-nies akkużati dwar sehem fl-Olokawst, li fih ir-reġim tal-eks dittatur Nażista, Adolf Hitler, qatel ’il fuq minn sitt miljun Lhud.
//= $special ?>