Il-Kap Eżekuttiv ta’ Hong Kong, Carrie Lam, għat-tieni jum, spiċċat ‘mgħajjra u abbużata verbalment’ mid-deputati tal-Oppożizzjoni meta hi kienet qed tipprova twieġeb id-domandi fil-Parlament.
Wara ħafna għajjat, ħdax-il membru tal-Oppożizzjoni – li anki kienu qegħdin juru messaġġi fuq tabelluni – tneħħew mis-sessjoni tal-assemblea wara intervent mill-gwardjani tas-sigurtà.
F’nofs il-ġimgħa, Carrie Lam kienet sfurzata li tissospendi d-diskors politiku annwali wara li spiċċat interrotta mill-avversarji tagħha.
It-territorju ta’ Hong Kong, li qed igawdi livell ta’ awtonomija miċ-Ċina, għadda minn xhur ta’ protesti tal-massa kontra l-Gvern wara li ħarġet l-aħbar dwar proposta għal liġi li kellha tippermetti l-estradizzjoni ta’ residenti tat-territorju lejn iċ-Ċina.
L-Oppożizzjoni ta’ Hong Kong tifforma minoranza żgħira fil-Kunsill Leġislattiv tat-territorju iżda l-membri tagħha rnexxielhom jinterrompu diversi drabi d-diskors ta’ Carrie Lam, bir-riżultat li s-sessjoni spiċċat aġġornata diversi drabi.
Uħud mid-deputati mkeċċija mill-Parlament dehru jżommu l-fjuri bojod biex jesprimu solidarjetà man-nies li sfaw midruba mill-pulizija waqt l-aħħar xhur ta’ dimostrazzjonijiet f’Hong Kong. Dan waqt li huma għajjtu li ‘Carrie Lam ma ħaqqhiex tkompli bħala Kap Eżekuttiv tat-territorju’.
Il-kritiċi ta’ Lam qed jakkużawha b’li ma ndirizzatx il-kriżi politika ta’ Hong Kong waqt policy speech, fil-ġurnata preċedenti. Madankollu, Carrie Lam warrbet l-l-allegazzjonijiet u insistiet li l-proposti tagħha dwar kriżi tad-djar f’Hong Kong ‘indirizzaw kwistjoni li qed tqanqal it-tħassib fuq livell soċjali.’
//= $special ?>