Lokali

Il-Gvern ma jissalvagwardjax il-ġejjieni taż-żgħażagħ Maltin

Il-Gvern illejla irrifjuta li jiddikjara stat ta’ Emerġenza tal-Klima. Dan meta ivvota kontra mozzjoni imressqa mill-Oppożizzjoni u appoġġjata minn diversi għaqdiet taż-żgħażagħ u tas-soċjetà ċivili. Il-kriżi fit-tibdil fil-klima hija theddida irriversibbli għall-ġejjieni tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.

Hija ħasra u opportunità mitlufa li l-Gvern adotta ton ta’ aggressività u negattività lejn is- soċjetà ċivili u l-poplu Malti biex ma jintrabatx b’miżuri konkreti sabiex jiġġieled bis-serjetà il-kriżi li qed jirrifjuta li jiffaċċja.

Illejla l-Gvern irrifjuta: a) li jkun hemm uffiċjal maħtur mill-Parlament li jgawdi l-fiduċja taż-żewġ naħat u li jkollu statura morali jitkellem u jkun isus fuq il-ksib tal-miri ambjentali.b) li jitwaqqaf Kumitat Parlamentari li xogħlu jkun biss li jiffoka fuq din il-kriżi eżistenzjali u jara, flimkien mas-soċjetà ċivili u l-esperti fejn ikun wasal kull sena fil-ksib tal-miri ambjentali msemmija.

Il-Gvern illejla ta bis-sieq lis-soċjetà ċivili u l-eluf ta’ żgħażagħ li stennew li l-Parlament Malti illum jagħmel pass storiku u jiddikjara Emerġenza tal-Klima, b’rabtiet legali fuqu stess biex jitnaqqsu l-emissjonijiet sal-2030 u biex jispiċċaw kompletament sal-2050.

F’ebda mument ma l-kelliema tal-Oppożizzjoni kkritikaw jew attakkaw xi miżura tal-Gvern proprju biex id-dibattitu jkun wieħed li jwassal għal ftehim bejn iż-żewġ naħat fil-Parlament b’rispett lejn Nature Trust, Birdlife, SDM (Studenti Demokristjani Maltin), KSU (Kunsill Studenti Universitarhi), KNŻ (Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ), Extinction Rebellion u eluf ta’ żgħażagħ li talbu lill-Parlamentari kollha jirrikonoxxu Emerġenza tal-Klima u li jittieħdu passi legali biex il-Gvern jintrabat b’miri ċari u speċifiċi għal tnaqqis fil-kriżi tal-emissjonijiet fl-arja.