Il-KSU, il-Kunsill Studenti Universitarji, ingħaqdu mal-PN u l-KNŻ fejn permezz ta’ stqarrija appellaw biex tiġi indirizzata il-bidla fil-klima.
Huma appellaw lir-rappreżentanti fil-Parlament biex jieħdu l-ewwel pass u jiddikjaraw stat ta’ emerġenza għat-tibdil fil-klima. Dan ikompli mal-mozzjoni tal-PN fejn permezz ta’ mozzjoni talab u għadu jinsisti li jissejjaħ Stat ta’ Emerġenza dwar il-klima ta’ Malta.
L-istqarrija kompliet billi qalet li dan il-fenomenu qed jaffettwa mhux biss il-populazzjoni tal-lum, iżda se jħalli impatt enormi fuq dik t’għada. Il-Bidla fil-Klima ilha fuq l-aġenda nazzjonali għal diversi snin, iżda ftit li xejn ittieħdu azzjonijiet legali sabiex jikkontribwixxu pożittivament għal kwalunkwè bidla.
Il-Kunsill kompla billi qal li fl-aħħar snin rajna żieda fl-ammont ta’ karozzi, bit-traffiku jkompli jiżdied, bin-nuqqas ta’ arja nadifa jkompli jiżdied. Huma qalu li matul is-sena rajna żieda fil-każijiet ta’ ażma li huma ħafna drabi kkawżati mit-tniġġis tal-arja, u dan mhux biss qed qalitu l-KSU iżda wkoll statistiċi li kkonfermaw dan.
“Il-kooperazzjoni nazzjonali u internazzjonali tista’ twassal ir-riżultati tant meħtieġa biex tiġġieled it-tibdil fil-klima”.
Huma appellaw biex din il-problema tiġi indirizzata mill-aktar fis, fi spirtu t’għaqda u ‘l bogħod mill-pika partiġġjana.