Lokali Parlament

Il-mozzjoni tal-PN fuq l-ambjent titlob maturità politika

  • Claudette Buttigieg, PN

Din il-mozzjoni tal-PN fuq l-ambjent titlob maturità politika: din m’hix issue partiġġjana. Aħna rridu li meta għada jħarsu lejna jgħidu li dak li qed nagħmlu llum għamel differenza fil-ħajja tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Dan qalitu d-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg meta kienet qed titkellem fil-parlament dwar il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar l-emerġenza fil-klima.

Din il-mozzjoni hi sinjal ta’ kemm Frederick Azzopardi huwa f’sintonija mal-karbiet tal-lum speċjalment dawk li ġejjin minn fomm iż-żgħażagħ. Kuraġġ lil Frederick Azzopardi u lill-familja tiegħu f’dan il-mument diffiċli

Hi sellmet liż-żgħażagħ kollha li f’dan l-istess parlament, proprju fil-11 ta’ Settembru 2019 – ressqu appell mill-qalb biex id-deputati jiddikjaraw Emergenza tal-Klima. Kienet proprju l-President tal-KNŻ Chiara Vassallo, li fit-tieni sessjoni tal-parlament taż-żgħażagħ fakkret li fid-29 ta’ Lulju 2019, l-umanità kollha kienet eżawrixxiet ir-riżorsi kollha naturali u rinnovabbli mill-pjaneta tagħna għal din is-sena.

Dan il-jum huwa magħruf bhala Earth Overshoot Day. Dan ifisser li mit-30 ta’ Lulju ta’ din is-sena, ir-riżorsi naturali kollha li kkunsmajna u qed nikkunsmaw fuq din il-pjaneta fosthom ħut u siġar huma misruqa mis-sena d-dieħla. Dan ifisser li se nibdew is-sena d-dieħla b’dak li jissejjaħ Ecological Deficit – meta l-konsum eċċessiv jaqbeż il-proċess li bih il-prodotti naturali jiġġeddu, jikbru, jitwieldu u jitkattru, qalet Clkaudette Buttigieg, li sostniet li Chiara Vassallo ppreżentat ittra lill-Prim Ministru biex tinqara fil-parlament dwar is-sitwazzjoni tal-klima.

L-iktar ħaġa xokkanti f’din ir-realtà hi s-sitwazzjoni ta’ pajjiżna. Għaliex filwaqt li l-Overshoot Day tad-Dinja kienet id-29 ta’ Lulju, l-Overshoot Day ta’ Malta, għaliex Malta m’għandiex ħafna riżorsi u għandha popolazzjoni kbira wisq għaċ-ċokon tagħha, fil-fatt kienet it-13 t’April 2019. Allura nistaqsi f’din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż; il-Gvern huwa konxju ta’ dan il-fatt? Jekk iva, x’għamel u x’qed jagħmel f’dan ir-rigward?

Claudette Buttigieg qalet li nagħmlu tajjeb li niġu f’dan il-parlament u niskużaw ruħna mal-ġenerazzjonijiet tal-futur għal dak li għamilna u għal dak li nqasna li nagħmlu, imma kemm ikun aħjar jekk barra l-iskużi u d-dispjaċir tagħna nieħdu azzjoni. Din il-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni tasal fi żmien meta l-Gvern ghandu Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima

Dan hu titlu sabiħ, imma fejn hi s-sustanza? Ministeru b’titlu fejn il-kliem “sostennibbiltà’” u “tibdil fil-klima” suppost jindikaw li l-ħidma f’dan is-settur kienet waħda kontinwa u bla heda. Meta dak kollu li qed ngħidu hawn illum suppost li diġà huwa prijorità assoluta fuq l-aġenda ta’ dan il-Gvern preżenti. Il-poplu ma jridx aktar kliem. Iż-żgħażagħ żgur li mhux se jaċċettaw aktar kliem imma jridu l-fatti.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li Illum qed inressqu din il-mozzjoni mill-Oppożizzjoni biex verament tittieħed azzjoni. Ejjew nibdew minn x’imkien. Bħalma bdew pajjiżi oħra Ewropej, fuq il-linji tal-Kummissjoni Ewropea. Ejja nieqfu ngħidu li aħna ma nistgħux naslu jew ma’ nistgħux nilħqu ċerti miri. Irridu nibdew minn miri li nistgħu nilħqu fix-short term, fil-medium term u fil-long term. Kif tgħid il-mozzjoni tagħna: “L-ispiża li ma nagħmlu xejn hija bil-bosta iktar mill-ispiża li rridu nagħmlu biex nilhqu l-miri” … u hawn m’aħniex nitkellmu biss fuq spiżi finanzjarja imma spiżi fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna u ta’ wliedna.

Ixxukjata bl-attitudni verament negattiva tal-Gvern. Kelliema li attakkaw mozzjoni li hija ta’ importanza nazzjonali b’attitudni partiġġjana, sostniet Claudette Buttigieg.

Din il-mozzjoni titlob maturità politika. Din m’hix issue partiġġjana. Aħna rridu li meta għada jħarsu lejna jgħidu li dak li qed nagħmlu llum għamel differenza fil-ħajja tal-ġenerazzjonijiet futuri.