Lokali

Il-YES! tan-Nestlé l-Ewwel fid-Dinja b’Wrappers tal-Karta Riċiklabbli

Żvolta teknika wasslet biex il-bars YES!, snacks tajbin għas-saħħa u ppakkjati bil-proteini, issa għandhom wrappers riċiklabbli. Dawn jinsabu għall-bejgħ lokalment.

Tista’ tgħid id-dinja kollha qed tistinka biex tagħmel għażliet li jirrispettaw aktar l-ambjent, u ħafna konsumaturi issa qegħdin jikkonsidraw ir-responsabbiltajiet ambjentali tagħhom qabel ma jixtru prodott.

In-Nestlé għadha kemm ħarġet l-aħbar – l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fid-dinja – li l-bars popolari tagħha YES! issa qed jinbiegħu f’wrappers magħmulin minn karta riċiklabbli. Dan qed isir bis-saħħa ta’ teknika tal-ippakkjar li tissejjaħ ‘flow wrap cold seal’, li s-soltu tintuża biss fuq films u laminati tal-plastik.

Din ir-wrapper tal-karta hija pass ieħor ‘il quddiem fl-impenn tan-Nestlé li sal-2025 il-materjal tal-ippakkjar kollu tagħha jkun riċiklabbli jew jista’ jerġa’ jintuża. Ir-wrapper hija magħmula minn karta miksija li ġejja minn sorsi sostenibbli, ċertifikata mill-Forest Stewardship Council (FSC). Kull m’għandhom jagħmlu l-konsumaturi f’Malta huwa li jitfgħu l-karta fil-borża l-griża tar-riċiklaġġ jew inkella f’wieħed mill-kontenituri bojod għar-riċiklaġġ tal-karti.

“Għalkemm din il-bidla ma kinitx waħda faċli, il-fatt li wettaqnieha jimxi id f’id mal-istrateġija tagħna li nħaffu l-iżvilupp ta’ prodotti li jissodisfaw xejriet ġodda u bidliet fid-domanda tal-konsumaturi,” qal Alfred Borg, Marketing Manager, f’isem in-Nestlé.

“Tabilħaqq ħaditilna ħafna żmien u ħafna xogħol biex stajna nwasslu din l-innovazzjoni sas-suq, imma kienet vallapena. Apparti milli tevita l-iskart tal-plastik, ir-wrapper il-ġdida għandha wkoll il-vantaġġ li hi magħmula mill-karta u allura hija faċli ferm biex tiftaħha u tibda tiekol. Il-karta sarulha wkoll ħafna testijiet biex ikun żgurat li l-bars YES! jibqgħu f’kundizzjoni perfetta tul il-fażijiet kollha ta’ produzzjoni, trasport u ħażna.”

U kien hemm aktar aħbarijiet ġodda mingħand in-Nestlé, hekk kif ħabbret li ġiet introdotta t-togħma Delicious Dark Choc, Banana & Pecan Nut Bar mal-firxa ta’ prodotti YES! disponibbli lokalment. Din issa żdiedet mal-għażla li kien hawn diġà, ċjoè Tempting Dark Choc, Sea Salt & Almond Nut Bar; Sumptuous Cranberry & Dark Choc Nut Bar; Delightful coffee, Dark Choc & Cherry Nut Bar; Luscious Raspberry & Chia Seed Fruit Bar; u Heavenly Pineapple & Coconut Fruit Bar.

Kull bar tan-nuts tal-YES! hija veġetarjana, fiha kontenut għoli ta’ fibra, u hija sors ta’ proteina. Il-bars tal-frott u l-ħaxix huma vegani, ħielsa mill-glutina u mil-lattożju, għandhom kontenut għoli ta’ fibra, ma fihomx zokkor miżjud, u jgħoddu għall-ħames porzjonijiet ta’ frott u ħaxix li wieħed għandu jieħu kuljum. Kull bar fiha inqas minn 190 kalorija u inqas minn 5g zokkor, li jfisser li hija tnaqqira ħafifa tajba għas-saħħa, u ma fiha l-ebda sweeteners, togħmiet, kuluri jew preservanti artifiċjali. Il-fatt li dawn il-bars għandhom kontenut għoli ta’ fibra jagħmilhom ideali għax din tgħin biex jitnaqqas il-kolesterol, biex jiġu kkontrollati l-livelli taz-zokkor fid-demm, u biex tħossok mimli għal ħin itwal. Il-kontenut għoli ta’ proteina, intant, jagħmilhom ideali għal dawk li qegħdin fuq dieta għolja fil-proteini u baxxa fil-karboidrati.

Hemm aktar żviluppi għaddejjin bħalissa minn wara l-kwinti, u n-Nestlé qed taħdem biex fix-xhur li ġejjin tkompli tniedi aktar innovazzjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam ma’ materjal tal-ippakkjar riċiklabbli.

Il-bars YES! ippakkjati f’karta riċiklabbli issa huma għall-bejgħ fis-supermarkets, dolċeriji u ħwienet ta’ konvenjenza ewlenin madwar Malta u Għawdex.