Internazzjonali Lokali

L-immigrazzjoni hija problema li qed tifni lil pajjiżna u pajjiżi oħrajn Ewropej – Adrian Delia

Irridu nitilqu mill-kunċett tal-burden sharing u naslu għall-kunċett fejn ikollna shared investment, fejn il-pajjiżi Ewropej jinvestu fl-Afrika biex jinħolqu opportunitajiet ġodda sabiex ma jkunx hemm aktar persuni li jitilqu minn dan il-kontinent biex jaħarbu mill-gwerrer u l-inċertezzi politiċi.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tmiem is-summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li sar illum fi Brussell.

Matul dan is-summit saret ukoll diskussjoni dwar il-ħames punti prinċipali dwar l-immigrazzjoni, li Adrian Delia kien ressaq lill-President tal-PPE Joseph Daul f’ittra f’Settembru li għadda.

Dawn il-ħames punti jiffokaw fuq it-tqassim tar-responsabbilitajiet bejn il-pajjiżi membri, jiġu indirizzati fatturi esteri u għajnuniet biex jinbnew l-ekonomiji tal-pajjiżi tal-oriġini, sistema ġusta u effettiva tar-ritorn tal-persuni li ma jingħatalhomx l-ażil, leġislazzjoni Ewropea tat-tqassim tar-responsabbilitajiet u mhux aktar ftehimiet ad hoc u sapport lill-NGOs ġenwini u t-tisħiħ tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. 

Adrian Delia qal li l-pajjiżi żgħar u pajjiżi li jinsabu fil-fruntiera tal-Ewropa, fosthom Malta, ma jistgħux jibqgħu waħedhom quddiem din l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari u ma jistgħux lanqas jitħallew iġorru dan il-piż waħedhom. Huwa qal li għandna ngħinu lill-NGOs ġenwini iżda fl-istess waqt naċċertaw li jsir skrutinju serju, robust u intensiv fuq dawk li jabbużaw, jiffaċilitaw it-traffikar tal-persuni, u li qegħdin jagħmlu gwadann mid-diffikultajiet u t-tbatijiet tan-nies.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia saħaq ukoll fuq ir-ritorn effettiv ta’ dawk li mhux eleġibbli għall-ażil u li jkun hawn sistema ta’ leġislazzjoni ċara Ewropea u mhux aktar ftehimiet bejn il-pajjiżi membri, u dan bi strutturi li bihom nistgħu negħlbu l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari.