Sport

Prima Vista-Lauria jirbaħ il-Coastal Race

Bħal ma hi tradizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race, jumejn qabel it-tluq uffiċjali ssir ir-Rolex Middle Sea Race Coastal Race, fejn fl-edizzjoni ta’ din is-sena ħadu sehem 35 jott maqsuma f’sitt kategoriji differenti IRC.
Ir-rebħa din is-sena inkisbet mill-jott Taljan tal-kategorija IRC 3 Prima Vista-Lauria tal-iskipper Gabriele Bruni. Fit-tieni post daħal il-jott Malti Elusive 2 (IRC 4) tal-iskippers Christoph u Aaron Podesta. Fit-tielet post overall spiċċa l-jott Brittaniku Pronavia 38 Seawolf (IRC 6) tal-iskipper David Latham.
Ir-rebħiet fil-kategoriji l-oħra marru għand il-jott Ungeriż Pendragon tal-iskipper Zsolt Kiraly (IRC 1), il-jott Żvediż Blur ta’ Peter Gustafsson rebaħ il-kategorija IRC 5, filwaqt li Anafesto tal-iskipper Spanjol Ricardo Terrades rebaħ il-kategorija IRC 2.
Ir-rotta ta’ din is-sena kienet ta’ Peter Dimech, Principal Race Officer tar-Royal Malta Yacht Club li kienet mill-port ta’ Marsamxett sa Kemuna u lura fuq distanza ta’ 30 mil nawtiku.
Ir-Rolex Middle Sea Race tibda nhar is-Sibt, bit-tluq bħal dejjem spettakolari mill-Port il-Kbir.