Internazzjonali

Spanja: Il-President ta’ Katalonja iħeġġeġ tmiem għall-vjolenza

Il-President tar-reġjun ta’ Katalonja, Quim Torra, sejjaħ biex tieqaf immedjatament il-vjolenza fl-inħawi, wara li komplew il-protesti għat-tielet lejl konsekuttiv.

Torra ikkundana l-vjolenza wara li dimostranti, fil-lejl tal-Erbgħa, waqqfu l-barrikati u tawhom in-nar fil-belt ta’ Barċellona, li hi l-belt kapitali tar-reġjun Katalan semi-awtonomu, lejn il-grigal ta’ Spanja. Dan fost il-protesti fi bnadi oħra ta’  Katalonja, bid-dimostranti f’Barċellona anki jwaddbu l-missili lejn il-pulizija.

Is-sentenzi ta’ ħabs mogħtija, nhar it-Tnejn, lil disa’ mexxejja Katalani separatisti servew bħala l-ixprun għall-inkwiet u l-protesti ġodda favur reġjun ta’ Katalonja indipendenti mill-kumplament ta’ Spanja.

Dawn il-mexxejja nstabu ħatja dwar sehem f’hekk imsejħa ‘rewwixta kontra l-Istat’ minħabba r-rwol tagħhom fir-referendum tal-2017 għal Katalonja indipendenti u li kien iddikjarat illegali mill-Gvern Spanjol.

Id-dimostranti, fl-aħħar jiem, użaw l-app bl-isem Tsunami Democratic biex isibu l-aktar postijiet ‘jaħarqu’ tal-protesti fl-ibliet Katalani.

Sadattant, l-awtoritajiet Spanjoli qed jinvestigaw il-protagonisti wara l-aħħar ‘rewwixta’ u min qiegħed jikkoordina l-azzjonijiet bi ksur tal-buon ordni.

Quim Torra għamilha ċara li l-awtoritajiet tiegħu ma kellhomx jippermettu aktar inċidenti bħalma seħħew fit-toroq f’dawn l-aħħar iljieli. Hu insista li m’hemm l-ebda ġustifikazzjoni għall-ħruq tal-karozzi u tipi oħrajn ta’ vandaliżmu.

Torra, li hu favur reġjun ta’ Katalonja indipendenti, kien qed jitkellem wara li l-Prim Ministru ta’ Spanja, Pedro Sanchez, għamillu appell dirett biex jikkundanna din il-vjolenza.

Dan meta l-kapijiet favur l-indipendenza ta’ Katalonja – li jikkontrollaw il-Gvern reġjonali Katalan – qed jgħidu li se jkomplu jinsistu għal referendum ġdid biex il-Katalonja tinqata’ għaliha bħala entità separata.