Futbol Sport

Sur President, ħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn

(Ritratt: Martin Agius)
Din l-opinjoni tinsab fil-ħarġa tal-lum ta' In-Nazzjon

Stewart Said

It-telfa tat-Tlieta filgħaxija kontra l-Gżejjer Faroe kompliet tkabbar il-ferita tal-futbol Malti. Mhux għax b’rebħa konna se nirbħu t-Tazza tad-Dinja, iżda kienet tikkalma ftit l-ambjent għaliex konna niksbu t-tieni rebħa, niksbu rekord ta’ sitt punti u nevitaw l-aħħar post fil-grupp wara tant snin.

Diversi nies ikunu lesti li jattakkaw wara telfa tat-tim nazzjonali. Min jisħaq li missu jingħata aktar importanza lil sport ieħor u mhux lill-futbol, min jgħid li ħela ta’ flus u missna nieqfu nilagħbu u nikkompetu eċċ. Iżda ħafna minn dawn in-nies huma komdi li jitkellmu wara keyboard mingħajr ma joffru soluzzjonijiet jew imiddu idejhom għax-xogħol li tant hemm bżonn. Fil-verità l-flus li jintefqu huma flus li mhux ġejjin mill-Gvern iżda dawk iġġenerati mill-futbol stess.

Is-sitwazzjoni li ninsabu fiha mhix tort ta’ persuna waħda imma tort kollettiv. Nibda minna l-ġurnalisti, il-kowċis, il-plejers, l-amministraturi tal-klabbs, l-assoċjazzjoni u kull min b’xi mod imiss mal-futbol Malti. Forsi ħafna jikkritikaw għaliex iħobbu l-futbol Malti u jixtiequ li verament jinkisbu riżultati pożittivi.

Is-sitwazzjoni preżenti

Nibda mill-bażiku dwar is-sitwazzjoni preżenti. Irridu naċċettaw il-fatt li minkejja li bl-għajnuna tal-Gvern sar investiment importanti u nirringrazzjaw lil Alla li saru, aħna nilagħbu fuq wiċċ artifiċjali, għajr l-Istadium Nazzjonali, il-Hibernians Stadium u l-Gozo Stadium. Mela l-fatt li titħarreġ u anki tilgħab fuq wiċċ artifiċjali ma jgħinx kemm għall-veloċità tal-logħba kif ukoll minħabba xi injuries li qed jiżviluppaw.

It-tieni, AĦNA RRIDU NAĦDMU PROFESSJONALI IMMA DILETTANTI. Jien inħoss li b’mod ġenerali aħna nilagħbu l-futbol u mhux ngħixuh. Il-futbol hu l-aktar sport popolari fid-dinja u kulħadd jilagħbu. B’kuntrarju għal sport ieħor, hemm ħafna livelli u għalhekk jekk tagħmel titjib tkun qed taqbeż numru żgħir ta’ pajjiżi.

Il-plejers tat-tim nazzjonali hu l-prodott lest u għalhekk irridu naraw x’qed isir fis-saff taż-żgħażagħ fejn hemm ħafna x’irridu naħdmu fuqu għaliex dak li nagħmlu llum se naqtgħu l-frott tiegħu għaxar snin oħra. Il-klabbs tagħna ħafna drabi jiddependu fuq persuna li żżomm il-klabb ħaj bil-finanzi. Il-klabbs huma organizzati biżżejjed li jpoġġu l-prijoritajiet tagħhom? Fi stħarriġ li sar mill-UEFA ftit ilu, nstab li 88% tal-flus fil-futbol Malti jmorru għas-salarji li jfisser li naħdmu għal-lum.

F’dawn l-aħħar snin daħlet aktar is-sistema li klabb ikollu l-kowċ tal-gowlkipers, physical trainer, tabib,fiżjoterapist eċċ. Barra minn Malta dawn huma normalità. Kemm il-klabbs qed jagħtu importanza liż-żgħar tagħhom? In-nurseries huma child care centres jew skejjel ta’ futbol? Huma hekk għaliex huma kostretti?

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Nemmen li għadna nħarsu lejn il-kwantità u mhux lejn il-kwalità. Għadna nieħdu deċiżjonijiet li jfittxu l-kunsens u mhux dak li hemm bżonn għax hu tajjeb li jsir. Ħafna jgħidu hawn ħafna nurseries u ħafna klabbs u naqbel magħhom. Il-mistoqsija hi kif se taqta’ l-klabbs?

Nitlaq mill-prinċipju li darba qalli l-kowċ ta’ esperjenza Paul Zammit u tant naqbel ma’ dan il-punt li nikkwotah ħafna; EVERYONE HAS A RIGHT TO PLAY FOOTBALL BUT SOME HAVE THE RIGHT TO PLAY ELITE FOOTBALL.

Irridu nieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi li jgħollu l-livell tal-futbol. Kull sezzjoni bi kriterja partikolari li tikklassifika l-klabbs. Eżempju kriterji għall-Kampjonat Premier li jekk ma tilħaqhomx ma tilgħabx fih. Jien ma nqis li hi xi ħaġa pożittiva li mill-14-il klabb fl-ogħla diviżjoni, erbgħa minnhom ma għandhomx nursery li tiffunzjona. Min għal raġuni u min għal oħra imma jien nagħti sena ċans li turi titjib jekk tkun għadek kif tkun promoss inkella ma tistax tilgħab fid-diviżjoni.

Bjorn Vassallo

Messaġġ lill-President tal-MFA

Hawn ngħaddi messaġġ lill-President tal-MFA Bjorn Vassallo li beda l-mandat tiegħu fl-ogħla kariga tal-futbol. J’alla li jmexxi bl-ideat li dawk eliġibbli tawh l-opportunità biex jinħatar President għaliex għandu ħafna ideat li naqbel magħhom.

Nittama li l-esperjenza miksuba mas-snin speċjalment fil-FIFA twasslu għal pjan ċar li jaħdem fl-ambjent Malti. Importanti li ma jħallix iż-żmien jgħaddi biex jimplimenta ċertu ħsibijiet għaliex aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed naqgħu lura.

Hu għandu l-għażla li jaħtar Direttur Tekniku wara li Robert Gatt ħabbar li se jkun qed itemm il-ħidma tiegħu f’din il-kariga. Nittama li tkun magħżula persuna li tifhem il-ħtiġijiet tagħna u kapaċi taħdem mal-Maltin biex tgħolli l-livell.

Dan id-Direttur Tekniku jrid jaħdem fuq il-pjan tekniku tal-futbol Malti għaż-żmien li ġej b’filosofija u miri ċari ta’ fejn irridu mmorru. Hawn tidħol l-għażla wkoll tal-kowċis nazzjonali. Il-kuntratt tal-kowċ nazzjonali Ray Farrugia li jiskadi fi tmiem is-sena. Jien nemmen li jkun hemm min ikun hemm kowċ, irid jaħdem bid-drapp li għandu. Jekk Farrugia jibqa’ jew jinħatar xi ħadd ġdid, importanti li jitfassal pjan ċar biex anki fil-livell taż-żgħar jibda jħalli l-frott mixtieq.

(Ritratt: Joseph Galea)

Il-partitarji jridu jagħmlu tagħhom

Aċċenn ukoll għall-partitarji jew dilettanti. L-anqas ħaġa li tistgħu tagħmlu hi li tagħtu s-sapport fil-logħbiet li t-tim Malti jilgħab f’pajjiżna. Hi tal-mistħija li meta tilgħab f’pajjiżek, l-avversarju tiegħek ikollu aktar partitarji minnek.

Għalkemm il-plejers għandhom ir-responsabbiltajiet tagħhom, żgur li jħossu meta jilagħbu quddiem stadium vojt filwaqt li meta jsiefru jilagħbu quddiem eluf ta’ partitarji li jkunu kontrihom. Plejer jagħmel aktar kuraġġ meta jilgħab quddiem l-ispettaturi.

Kull skuża f’dan il-livell ma tgħoddx. Kif jgħid il-kowċ nazzjonali, it-tim hu ta’ kulħadd. Bl-introduzzjoni tal-Goal Card mill-MFA fl-aħħar snin, m’hemmx skużi fuq prezzijiet. Kemm-il darba nonfqu mijiet ta’ ewro biex naraw it-tim barrani li nżommu miegħu (li hu ta’ livell ferm għola) u nsegwu logħba diżappuntanti. Xorta nerġgħu nsiefru ftit xhur wara. L-isforzi tas-South End Core jispiċċaw ma jħallux l-effett tagħhom.

Ma semmejtx kollox imma biex nikkonkludi dawn il-ftit kliem, is-soluzzjoni mhix waħda imma hemm bżonn li naqbdu l-barri minn qrunu u nħarsu lejn il-ġid komuni tal-futbol Malti u mhux dawk personali jew tal-klabbs tagħna. Jekk se jibqa’ jiġri hekk, se nibqgħu fejn aħna u bħal dak li diġà għamilt fl-aħħar snin, nerġa’ nikteb xi ħaġa simili li tkun għadda tgħodd fil-preżent. Nistennew u naraw.