Is-seed numru wieħed Elina Svitolina kienet eliminata mill-Kremlin Cup fl-ewwel logħba tagħha wara li f’logħba mit-tieni rawnd tilfet kontra Veronika Kudermetova.
Għal Svitolina dan kien l-ewwel impenn tagħha f’din il-kompetizzjoni peress li fl-ewwel rawnd hi kisbet bye u għaddiet awtomatikament għat-tieni rawnd.
Kontra Kudermetova Svitolina bdiet ħażin u tilfet l-ewwel set 2-6, iżda dehret li se tirkupra tajjeb il-logħba meta bl-iktar mod faċli rebħet it-tieni set 6-1.
Fit-tielet set il-logħba kienet ferm bilanċjata u Svitolina kellha break favur tagħha iżda Kudermetova irkuprat tajjeb biex rebħet is-set 7-5.
Kiki Bertens ukoll avvanzat meta għelbet lil Kaia Kanepi 4-6, 6-3, 7-5.
Bertens u Bencic jistgħu jieħdu post Serena Williams fid-WTA Finals jekk jitilgħu sal-final tal-Kremlin Cup.