Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, jiem ilu, ‘spiċċa jarmi ittra mingħand il-President Amerikan Donald Trump f’landa tal-iskart’ u fl-istess ġurnata, beda l-offensiva attwali kontra l-Qawwiet Demokratiċi Sirjani mmexxija mill-Kurdi, fis-Sirja.
Ingħad li Trump, fl-ittra bid-data tad-9 ta’ Ottubru u li ntbagħtet wara li t-truppi Amerikani kienu rtiraw mis-Sirja, ħeġġeġ biex Erdogan ‘ma jilgħabiex tal-bully’ — bis-sorsi qrib il-President Tork jgħidu li l-ittra spiċċat ‘kompletament miċħuda’ minn Erdogan. Kienu l-istess sorsi li wasslu r-referenza ‘dwar il-landa tal-iskart’ fit-tweġiba.
Fl-ittra, Trump qal li ‘Erdogan ma jridx ikun responsabbli għall-massakru tal-eluf (fis-Sirja) u li hu (Trump) ma jridx ikun il-mexxej li jeqred l-ekonomija tat-Turkija’. Filwaqt li hedded li kapaċi jieħu l-aħħar pass, Donald Trump ħeġġeġ lil Erdogan biex jaslu għal ftehim sodisafaċenti li, ‘il quddiem, jitqies bħala l-aħjar pass fiċ-ċirkustanzi.
Il-fatt li Erdogan ċaħad għall-kontenut tal-ittra, fost l-azzjoni fis-Sirja li seħħet xi sigħat wara, kapaċi jitqies bħala ‘provi li ‘ma kien hemm l-ebda permess jew approvazzjoni mingħand Trump’ għall-inkursjoni militari tat-Torok.
Il-Viċi-President Amerikan Mike Pence, illum, wasal it-Turkija f’missjoni biex jipperswadi lill-Gvern Tork iwaqqaf l-offensiva kontra l-qawwiet Kurdi fit-Tramuntana tas-Sirja. Wasal fil-pajjiż ukoll is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, madankollu, l-uffiċjali Torok qalu li l-azzjoni militari se tkompli ‘irrispettivament minn kollox’.
L-assalt mill-militar tat-Turkija, minbarra li qed jallarma lill-Istati tar-reġjun u l-Punent, qed joħloq kriżi umanitarja ġdida fis-Sirja, b’160,000 ċivili jaħarbu mir-residenzi tagħhom. Dan fost allert tas-sigurtà dwar l-eluf tal-priġunieri tal-ISIS li tħallew abbandunati fil-ħabsijiet tal-Kurdi u ‘l-maltempata politika’ għal Trump fl-Istati Uniti.
//= $special ?>