Internazzjonali

Brexit: Boris Johnson fi ġlieda mal-ħin…

Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, jinsab għaddej bi ġlieda mal-ħin biex jikkonvinċi lill-Parlament ta’ Londra dwar il-ftehim dwar Brexit li hu laħaq, din il-ġimgħa, mal-Unjoni Ewropea. Il-ġurnata tas-Sibt (għada) għandha tkun deċiżiva għall-impenn biex ir-Renju Unit joħroġ mill-UE fid-data stabbilita, bl-issue trid tgħaddi mill-vot tad-deputati fil-House of Commons.

Johnson qed jgħid li hu ‘ferm fiduċjuż’ li jikseb il-maġġoranza li jeħtieġ fil-Parlament bil-għan li jikkonkludi Brexit sal-31 ta’ Ottubru – id-deadline konkret għat-tmiem tal-proċess. Iżda, għalissa, l-indikazzjonijiet huma li l-Partit DUP tal-Irlanda ta’ Fuq u ‘kull partit tal-Oppożizzjoni’ kienu qegħdin jaħsbu biex jivvutaw kontra l-aħħar ftehim għal Brexit.

Sadanittant, Johnson qed jipprova jipperswadi lil xi deputati ‘ribelli’ tal-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni, flimkien ma’ eks-deputati tal-Partit Konservattiv fil-Gvern kif ukoll xi membri tal-partit tiegħu stess biex jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-ftehim.

Dan meta Johnson u n-nies ta’ miegħu jinsabu għaddejjin bit-telefonati lid-deputati minn kull naħa tal-House of Commons. Dan bil-għan li jipperswaduhom li l-ftehim milħuq mal-UE hu ‘l-aħjar triq ‘il quddiem għall-pajjiż’.

Madankollu għadu diffiċli biex wieħed ibassar ir-riżultat finali tal-vot fil-House of Commons. Dan meta kelliema għad-DUP ( eks alleat tal-Konservattivi fil-Parlament) qalu li l-partit Irlandiż  mhux talli se jivvota kontra Boris Johnson iżda anki kien qed iħeġġeġ biex ‘jieqfu miegħu’ numru ta’ deputati Konservattivi.

Dan ifisser li l-ħidma ‘ta’ persważjoni’, minn kull naħa, għandha tkompli sal-aħħar sekonda f’Westminster.

Il-Prim Ministru Johnson, għada, jagħmel stqarrija lill-House of Commons qabel ministru ieħor jiftaħ id-dibattitu dwar il-ftehim dwar Brexit. F’każ li Johnson ma jirnexxilux jikseb l-ammont ta’ voti meħtieġa għal rebħa, mistenni li  hu, imbagħad, jagħmel tentattiv ieħor għal elezzjoni ġenerali bikrija fir-Renju Unit.