Lokali Saħħa

Diżappunt mill-Għaqda Maltija Kontra d-Dijabete dwar is-CMGs

Fi stqarrija li ħarġet l-Għaqda Maltija Kontra d-Dijabete esprimiet id-diżappunt tagħha li l-Continuous Glucose Monitoring Device – apparat li jintuża minn persuni li għandhom id-diabete, ma ġiex inkluż fil-budget tas-sena d-dieħla.

Is-CGMs, tkompli l-istqarrija, huwa apparat li tista’ tgħin fl-immaniġġjar tal-kundizzjoni tad-dijabete. Sfortunatament, għadd ta’ ġenituri u persuni li jgħixu bid-dijabete bħalissa qed ikollhom spiża biex jixtru dan l-apparat u l-prodotti marbuta miegħu. Spiża mhux żgħira li mhux qed tiġi mħallsa lura mid-Dipartiment tas-Saħħa.

L-Għaqda tgħid li dan qed ikun ta’ piż finanzjarju fuq dawn il-persuni.

L-istqarrija tgħid li l-Għaqda tittama wkoll li mediċini u insulini ġodda u innovattivi jiġu inkluża fil-formularju tad-dijabete, biex ikun żgurat li persuni li jgħixu bid-dijabete jirċievu l-aqwa kura.

Il-benefiċji tal-introduzzjoni ta’ CGMs u mediċina oħra għandha tkun meqjusa bħala investiment għax ikun ifisser li persuni li jgħixu bid-dijabete jistgħu jikkontrollaw il-kundizzjoni tagħhom b’mod aktar effettiv.

B’kura u trattament aħjar, għandu jkun hemm anqas persuni li jfittxu kura fl-isptar minħabba kumplikazzjonijiet marbuta mad-dijabete u anke tnaqqis fl-infiq marbuta mal-istess kura.

L-Għaqda appellat lill-awtoritajiet ikkonċernati biex jagħtu priorità lid-dijabete fl-aġenda Nazzjonali dwar is-saħħa bħala parti mill-istrateġija tal-Gvern.