Lokali Qorti

Il-każ dwar ħasil ta’ flus fil-konfront tal-aħwa Degiorgio se jinstema’ quddiem Maġistrat

Il-każ dwar ħasil ta’ flus li fih hemm akkużati ż-żewġt irġiel mixlijin bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia se jiġi deċiż minn Maġistrat u mhux minn Imħallef.

Id-deċiżjoni ta’ min għandu jisma’ u jiddieċiedi l-każ huwa fid-disrezzjoni tal-Avukat Ġenerali. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li l-Prosekuzzjoni ddikjarat li m’għandhiex aktar provi xi tressaq.

L-aħwa George u Alfred Degiorgio, flimkien mas-sieħba ta’ George Degiorgio Anca Adelina Pop, Rumena ta’ 34 sena, qegħdin iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus wara li nvestigazzjoni fuq il-qtil ta’ Caruana Galizia wasslu biex jittieħdu aktar azzjonijiet kriminali fil-konfront tal-aħwa.

Minkejja li ż-żewġt irġiel qal li ma jaħdmux, u lanqas qatt ma mlew formola tat-taxxa, filwaqt li allegatament kellhom kontijiet fil-bank li qatt ma ntużaw, jidher li kienu jgħixu ħajja ta’ lussu – fejn kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom karozzi lussuċi u anke opri tal-baħar ta’ ċertu lussu.

Waqt il-kumpilazzjoni fil-konfront tagħhom, l-Ispettur Antonovitch Muscat kien qal fil-Qorti l-investigazzjonijiet fil-qtil tal-ġurnalista wassal biex isir skrutinju fuq tranżazzjonijiet ma’ banek u anke l-pusses ta’ oġġetti fil-konfront tagħhom. L-aħwa Degiorgio u Pop kienu mixlijin flimkien fuq ħasil ta’ flus f’Ġunju tas-sena l-oħra.

Waqt il-każ fil-Qorti din il-ġimgħa, quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, inqrat il-kontro-ordni fejn l-Avukat Ġenerali bagħat lura l-atti tal-inkjesta lill-Qorti tal-Maġistrati biex tiddeċiedi l-każ.

Reat li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Maġistrati għandu terminu ta’ massimu ta’ 12-il sena ħabs. Ta’ min isemmi wkoll li s-sieħba ta’ George Degiorgio kienet ingħatat il-libertà proviżorja f’Lulju tal-2018. L-Avukat William Cuschieri qed jidher għall-aħwa Degiorgio filwaqt li l-Avukat .
David Gatt qed jidher għall-Pop.