Ir-residenti fir-reġjuni Libjani tal-Punent u n-Nofsinhar esprimew il-biża’ li t-terroristi tal-ISIS kapaċi jagħmlu ‘ritorn qawwi’ f’pajjiżhom, wara li ntlemħu l-għexieren ta’ dawn il-militanti f’diversi zoni tal-Libja.
Kelliema għat-taqsima Salim al-Amil, li hi nkarigata mis-sigurtà fil-belt ta’ Sirte, żvelaw li membru tal-ISIS li telaq mill-inħawi wara li l-belt kienet illiberata fl-2016, spiċċa arrestat ftit tal-jiem ilu wara li l-qawwiet tas-sigurtà saru jafu li ‘hu kien irritorna f’Sirte’.
Intant, dawn il-kelliema u sorsi oħrajn qalu lill-Asharq Al-Awsat li l-membri tal-ISIS huma preżenti ‘f’ammonti kbar’ qalb iz-zoni dominati mill-muntanji fin-Nofsinhar tal-Libja, Qed jidher li dan sar possibbli wara li l-ISIS, allegatament, ‘iggwadanjaw min-nuqqasijiet fis-sigurtà biex jorganizzaw ruħhom mill-ġdid f’dik il-lokalità’.
Filwaqt li hemm indikati ‘għexieren ta’ gruppi żgħar ta’ terroristi’ fil-Libja, l-impatt tagħhom għandu jkun diżastruż f’każ li dawn l-elementi jiżviluppaw f’entitajiet ‘kbar u qattiela’ f’dan il-pajjiż Afrikan.
Il-qawwiet tal-ajru tal-US Africa Command, fl-aħħar xahar, wettqu numru ta’ attakki fuq il-militanti tal-ISIS fin-Nofsinhar tal-Libja u fejn inqatlu diversi kapijiet tat-terroristi.
Intant, ir-rapporti mill-belt ta’ Murzuq (fin-Nofsinhar Libjan) irreferew għal attentati minn gruppi ta’ irġiel armati biex jitterrorizzaw lir-residenti. Dan meta ħafna militanti heddew li ‘jaħtfu u joqtlu’ lill-istess residenti.
L-inkwiet tan-nies lokali dwar ir-ritorn tal-ISIS fil-Libja qiegħed jikber fost it-twissijiet tal-barranin dwar is-sitwazzjoni. Il-Ministru Russu għall-Affarijeit Barranin, Sergei Lavrov, fil-fatt, wissa li l-Libja kapaċi, ’l quddiem, tinbidel ‘fil-fortizza ewlenija tat-terroristi’ fl-Afrika ta’ Fuq.
Lavrov spjega li l-ġlied qalil attwali li għaddej fis-Sirja (wara li t-Turkija bdiet l-offensiva kontra l-Qawwiet Demokratiċi Sirjani taħt it-tmexxija tal-Kurdi man-naħa l-oħra tal-fruntiera) ippermetta biex il-militanti tal-ISIS jinfiltraw pajjiżi differenti madwar id-dinja.
Fl-istess ħin, uffiċjali tas-sigurtà fil-Lvant tal-Libja ( li ma xtaqux li jkunu identifikati) qalu li huma konxji mill-attentati tal-estremisti tal-ISIS biex jorganizzaw ruħhom mill-ġdid bħala qawwa effettiva. L-uffiċjali, iżda, enfasizzaw li t-terroristi inkwistjoni kienu sofrew ‘telfa kważi mortali’ fl-inħawi lejn il-lvant tal-pajjiż.
//= $special ?>