Ambjent Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jappella għal qbil fuq il-mozzjoni dwar it-tibdil fil-klima

B’reazzjoni għall-istqarrija tal-Partit Laburista wara l-konferenza tal-Partit Nazzjonalista dwar il-mozzjoni li ressqet ilbieraħ dwar l-emerġenza nazzjonali tat-tibdil fil-klima, il-Partit Nazzjonalista jagħmel diversi mitoqsijiet.

Jistaqsi fejn eżattament fil-liġi tal-2015 issemmi kriżi jew emerġenza b’rabta mat-tibdil fil-klima u fejn hemm speċifikat l-persentaġġi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u sa liema dati. Jistaqsi fejn eżattament din il-liġi tispeċifika li l-persentaġġi tat-tnaqqis huma marbuta legalment u fejn eżattament din il-liġi tagħti vuċi lis-soċjetà ċivili sabiex tintervjeni f’forum Parlamentari dwar l-emerġenza tat-tibdil tal-klima.

Jistaqsi fejn eżattament din il-liġi torbot lill-Gvern li jnaqqas l-emissjonijiet tal-kubrit fil-Port il-Kbir, kif għamlu portijiet oħrajn fit-tramuntana tal-Ewropa u fejn il-liġi tal-2015 tgħid li għandu jkun hemm uffiċjal maħtur mill-Parlament li jgawdi l-fiduċja taż-żewġ naħat u li jkollu statura morali jitkellem u jkun isus fuq il-ksib tal-miri ambjentali.

Fejn din il-liġi tgħid li għandu jitwaqqaf Kumitat Parlamentari li xogħlu jkun biss li jiffoka fuq din il-kriżi eżistenzjali u jara, flimkien mas-soċjetà ċivili u l-esperti fejn ikun wasal kull sena fil-ksib tal-miri ambjentali msemmija?

L-istqarrija tkompli li din hija opportunità storika biex il-Gvern u l-Oppożizzjoni jġibu l-ġid komuni qabel kollox .

Il-Partit Nazzjionalista appella biex ma ninjorawx it-tamiet tan nies imma wkoll is-sejħa li qed issir mill-għaqdiet u s-soċjetà ċivili, miż-żgħażagħ tagħna biex il-Gvernijiet jintrabtu fil-liġi b’miżuri konkreti sabiex b’serjetà jiġġieledu t-tibdil fil-klima għall-kwalità ta’ ħajja aħjar.

L-istqarrija ttemm tgħid li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista lesta li tiltaqa’ u tiddiskuti biex ikun hemm qbil fuq mozzjoni.