Lokali Qorti

Kumpens ta’ €5,000 wara li ġie lliberat minn vjolenza domestika f’każ li dam ikarkar għall 11-il sena

Raġel li ġie lliberat minn akkużi ta’ vjolenza domestika, f’każ li dam ikarkar għal 11-il sena sħaħ biex jiġi deċiż, ingħata kumpens ta’ €5,000 wara li hu kien beda proċeduri l-Qorti minħabba dewmien essaġerat biex jinqata’ l-każ tiegħu.

Il-każ ta’ kumpens ġie deċiż mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha ta’ Qorti Kostituzzjonali. Dan għaliex Andrea Stillato sofra minn dewmien żejjed biex il-każ jiġi deċiż mill-appell li ħelsitu mill-akkużi kollha, ħlief waħda.

Fis-sena 2006, huwa kien ġie mixli b’reati relatati ma’ vjolenza domestika u kien instab ħati fl-2011. Huwa appella minn din is-sentenza u wara 11-il sena fil-Qorti, fl-2017, is-sentenza tiegħu kienet imnaqqsa minn 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin, għal dik ta’ libertà kundizzjonata.

L-Avukati ta’ Stellato, Joe Giglio u Sarah Mifsud, ippreżentaw kawża Kostituzzjonali fejn kienu argumentaw li d-dritt għal smigħ xieraq kien ġie mittiefes minħadda dewmien essaġerat sabiex jiġu fi tmiemhom il-proċeduri.

Fis-sentenza tiegħu fuq il-każ, l-Imħallef Robert Mangion laqa’ t-talba u emfasizza li proċeduri kriminali m’għandhomx jieħdu daqstant tukl ta’ żmien u saħaq li Stellato sofra minn danni morali. Kien għalhekk li l-Qorti ordnat lill-Avukat Ġenerali jħallas kumpens lil Stellato ta’ €5,000.