Il-Union tal-Għalliema, l-MUT, din is-sena qed tiċċelebra iċ-ċentinarju mit-twaqqif tagħha. Imwaqqfa fl-1919, l-MUT hi l-eqdem trade union f’Malta.
Fl-okkażjoni taċ-ċentinarju, l-MUT tellgħet wirja fotografika fil-kwartieri ġodda tagħha fil-Ħamrun li jfakkru l-vjaġġ ta’ din it-trade union.
Mill-bidu tagħha fl-1919 fix-xhur ta’ wara l-irvellijiet tas-Sette Giugno sal-ġurnata tal-lum jinsabu f’ritratti.
Fost l-iktar żmien diffiċli għall-Union u l-għalliema li kienet tirrappreżenta kien fil-bidu tas-snin 80, b’mod partikolari l-1984.
F’dik is-sena, l-MUT kienet ordnat strajk tal-għalliema fl-iskejjel tal-Gvern, bil-Gvern Laburista iwieġeb b’lock-out. Kien fl-24 ta’ Settembru ta’ 35 sena ilu li xi persuni kienu daħlu fl-uffiċċji tal-MUT fil-Belt Valletta u kienu kissru kulma sabu quddiemhom.
Fl-istess sena wkoll, kienu ingħalqu l-iskejjel tal-knisja.
F’kumment ma’ Net News il-President tal-MUT Marco Bonnici qal li hekk kif l-MUT għandha qrib l-10,000 membru msieħeb magħha, il-Union se tkompli tħares ‘il quddiem b’risq l-edukaturi u l-istudenti.
F’għeluq il-100 sena, l-MUT iċċaqilqet f’uffiċċju ġdid fi Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun. Uffiċċju li hu iktar spazjuż għall-amministrazzjoni u iktar aċċessibbli għall-membri.
//= $special ?>