Lokali Qorti

Mixlijin b’diversi serqiet u nżammu arrestati

Żewġt irġiel li ma jaħdmux inżammu taħt arrest preventiv fuq akkużi ta’ serq aggravat. Stephen Mifsud ta’ 47 sena mill-Ħamrun u Ludwig Bugeja ta’ 42 sena minn Raħal Ġdid tressqu quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima mill-Ispetturi Paul Camilleri u Matthew Galea.

Huma wieġbu mhux ħatja ta’ serq aggravat ta’ diversi oġġetti, b’wieħed minnhom, Mifsud, akkużat ukoll li seraq karozza. It-tnejn li huma flimkien ġew mixlija li bejn l-Erbgħa u l-Ħamis li għadda waqt li kienu fi Triq il-Liedna fil-Fgura serqu injam tal-pennew iswed u isfar kif ukoll serratizzi, liema serq jeċċedi s-somma ta’ €2,333.

Mifsud waħdu kien mixli wkoll li saq mingħajr liċenzja u polza tas-sigurtà, li bagħbas fir-reġistrazzjoni tal-karozza u li seraq televiżjoni Sony u senter tal-kaċċa Breda minn residenza fl-Imtaħleb, u li jgħix ħajja ta’ vagabond.

Barra minn hekk Bugeja kien akkużat ukoll b’kompliċità tas-serq tal-karozza u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Huwa ġew akkużati wkoll li saru reċidivi. Għalihom deheret l-Avukat Charmaine Cherrett li f’dan l-istadju m’għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturiu Matthew Galea u Paul Camilleri.