Futbol Sport

Pospost l-El Clasico bejn Barcelona u Real Madrid

Jordi Alba jilħaq qabel Marcelo (Ritratt: EPA)

Hu mistenni li l-El Clasico bejn Barcelona u Real Madrid li kellu jintlagħab fis-26 ta’ Ottubru jkun pospost għal Diċembru minħabba l-inċertezza politika f’Katalunja. It-tensjoni f’dan ir-reġjun hi għolja wara li diversi mexxejja ngħataw sentenza twila ta’ ħabs minħabba l-irwol f’referendum indipendenti mhux uffiċjali fl-2017.

L-awtoritajiet tal-futbol fi Spanja bdew iħarsu lejn il-possibbiltà li jdawru l-logħba u tintlagħab Madrid biex jevitaw it-tensjoni politika, iżda dan jidher li ma kienx aċċettat miż-żewġ klabbs. Deċiżjoni dwar meta u fejn se tintlagħab il-logħba mistennija tittieħed it-Tnejn li ġej.

Rapporti qed jindikaw li l-logħba tista’ timxi għas-7 ta’ Diċembru jew it-18 ta’ Diċembru. Iżda t-tieni data jidher li se tkun diffiċli hekk kif il-President ta’ La Liga Javier Tebas qal li ma jridux li l-logħba taħbat mal-kompetizzjoni tat-Tazza tar-Re.