Lokali Qorti

Probation għal raġel li kkaġuna ġrieħi gravi fuq in-nanna ta’ wliedu

Raġel ta’ 31 sena mis-Siġġiewi tpoġġa taħt ordni ta’ probation u taħt ordni ta’ trattament sabiex ikun segwit minn professjonisti wara li nstab ħati li aktar minn tmien snin ilu fil-Mosta kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq omm mara li kellu relazzjoni magħha u li minnha kellu tliet ulied.

Il-Qorti qalet li mhux xieraq li l-imputat, li nstab ħati wkoll li sar reċediv u li għamel ħsara fid-dar tal-vittma, jintbagħat il-ħabs peress li rriżulta li f’dawn l-aħħar sentejn ġie dijanostikat bil-marda tal-kanċer u għad għandu problemi ta’ saħħa.

Sadanittant kien tħejja wkoll ‘social inquiry report’ fejn jirriżulta li huwa għandu problema tal-użu tal-kannabis u li jista’ jkun wkoll li għandu bżonn l-għajnuna għas-saħħa mentali tiegħu. Jirriżulta wkoll li għandu relazzjoni stabbli u wild ieħor u li ilu s-snin il-bogħod mill-ħajja kriminuża.

Il-każ kien seħħ fil-lejl ta’ bejn it-28 u 29 ta’ Lulju 2011 bejn is-6.00pm u 2.00am. Mill-provi rriżulta li huwa kellu relazzjoni mat-tifla tal-vittma li magħha kellu tliet ulied. Il-ġenituri tal-mara ma kienux favur tali relazzjoni, anke minħabba li kienu ntalbu jittieħdu passi kontrih u nstab ħati li pparteċipa f’attività sesswali ma’ minuri.

Dwar dan kienu nqalgħu diversi argumenti bejnu l-familja tal-mara li kien jgħix magħha, Illum ir-raġel qiegħed f’relazzjoni ma’ ħaddieħor u li minnha għandu wkoll wild. Fiż-żmien l-inċident, uliedu kienu qegħdin jgħixu man-nanna tagħhom u huwa kien ġie mistieden biex imur jiekol magħhom u fl-istess ħin jara lill-uliedu.

Dak inhar kien hemm preżenti omm il-mara li kellha t-tfal minnu, binha ż-żgħir, bintha u t-tfal tagħha. Kien inqala’ argument fuq xi oġġetti tal-‘camping’ li hija kienet sellfet lill-imputat u lil sieħbu. Huwa qalilha li kien qed iċempel lil sieħbu dwar dan, iżda l-vittma skopriet li hu kien qed iċempel lil mara oħra, li kienet is-sieħba tiegħu.

Meta ndunat li skont hi ma kienx qed jgħid il-verità hija bdiet taħseb ħażin u nqala’ argument fejn l-imputat spiċċa biex qaleb il-mejda tal-granit li tfarrket u skont il-vittma huwa kisser ħafna affarijiet oħra. F’dan l-inċident kienu sofrew ġrieħi kemm hu kif ukoll il-vittma, li qalet ukoll li wara li bintha ġriet il-barra flimkien mat-tfal, u binha kien fuq, hija marret fejn il-bieb tal-bitħa u l-imputat taha daqqa ta’ ponn f’widnejha.

Hi bdiet tgħidlu biex jitlaq il-barra u kompla jsawwatha u mal-ħin niżel binha li pprova jiddeffendiha u li hu qalha wkoll daqqtejn. Hija allegat ukoll li l-imputat għamlilha ħsara anke fil-karozza tagħha li kienet ipparkjata barra.

Xehdet ukoll omm it-tliet ulied li huma tal-imputat li qalet li kien hemm argument verbali minħabba li kienet qed tibgħatlu xi messaġġi l-għarusa ta’ ħabib tagħhom u li hu ma kienx qalilha xejn. Qalet li ommha bdiet tgħid li l-imputat dejjem jidħaq bit-tifla tagħha u dak il-ħin ix-xhud telqet il-barra u ma rat xejn.

Huwa ma kienx xehed iżda fl-istqarrija li kien ta qal li vera li kienet qed iċċempillu mara u ma tkellimx biex ma jaqlax inkwiet. Huwa ammetta li kien għolla l-mejda għax in-nanna ta’ wliedu bdiet tgħid li kien qed iħawwad ma’ ħabiba ta’ omm uliedu.

Qal li l-vittma qabdet sikkina tal-ħobż u biha laqtitu f’sidru. Qal ukoll li t-tifel tal-vittma mar għalih b’marfa tal-injam u li hu kien ħadilu. Minn ċertifikat mediku rriżulta li n-nanna tat-tfal kien naqsilha s-smiegħ u għalhekk il-ġrieħi kienu ġew klassifikati bħala gravi, madankollu aktar il-quddiem u wara diversi visti l-ispar it-tabib li eżaminha qal li ma baqgħetx tilmenta minn l-ebda sintomu, u ma sab l-ebda evidenza li ġarrbet xi diżabilità permanenti.

Fir-rigward tal-piena l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli qalet li kienet qed tieħu kunsiderazzjoni ta’ diversi fatturi f’sitwazzjoni diffiċli familjari. Jirriżulta wkoll li mill-kondotta tal-imputat din ma kinutx l-ewwel darba li huwa rrikorra għall-vjolenza fuq terzi persuni u kkaġunalhom ġrieħi.

Il-Qorti qalet ukoll li huwa jeħtieġ li jsegwi sessjonijiet psikoloġiċi sabiex jingħata l-għajnuna dwar kif għandu jikkontrolla r-rabja tiegħu u b’hekk ma jaġixxix b’mod impulsiv. Qalet ukoll li qed tinħareġ ordni ta’ trattament għal żmien tliet snin bil-għan li jegħleb il-vizzju tad-droga u jattendi sessjonijiet għall-għajnuna psikoloġika u psikjatrika.

Huwa ġie ordnat iħallas l-ammont ta’ €2,000 fiż-żmien sitt xhur għall-ħsara li wettaq. Għalih deheru l-Avukati Franco Debono u Marion Camillleri. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Therese Sciberras u Nicholas Vella.