Qed jikber it-tħassib dwar il-possibbiltà ta’ reati tal-gwerra mit-Turkija u l-milizji alleati tagħha, mindu l-qawwiet Torok invadew is-Sirja biex imexxu offensiva kontra l-Qawwiet Demokratiċi Sirjani (SDF) taħt it-tmexxija tal-Kurdi.
Dan meta ħarbu bejn il-160,000 u t-300,000 persuna minn djarhom mindu bdiet l-offensiva u meta hemm il-biża’ li l-azzjoni militari tat-Torok kapaċi twassal għat-tindif etniku tal-popolazzjoni tal-Kurdi lokali.
Il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, mexxa l-qawwiet ta’ pajjiżu kontra l-Kurdi wara li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ħabbar li kien qed jirtira l-qawwiet Amerikani minn dik iz-zona tas-Sirja li taqsam fruntiera komuni mat-Turkija.
Erdogan qed jaħseb biex ikeċċi lill-militanti Kurdi – meqjusa bħala terroristi minn Ankara – miz-zoni lejn il-grigal tas-Sirj. Dan bl-iskop li, ‘il quddiem, titwaqqaf ‘zona tas-sigurtà’ għal madwar żewġ miljun refuġjati Sirjani li fil-preżent qegħdin jgħixu fit-Turkija.
Mietu mal-500 persuna mindu bdiet l-offensiva tal-qawwiet Torok fis-Sirja u dawn jinkludu aktar minn 200 ġellieda mal-SDF kif ukoll għexieren ta’ ċivili.
Il-grupp Amnesty International, sadanittant, qal li ġabar ‘provi konkreti dwar reati tal-gwerra u abbużi oħra’ mill-qawwiet Torok u l-alleati tagħhom. L-Amnesty qed jakkuża lit-Torok u l-alleati dwar ‘l-esekuzzjonijiet ta’ persuni kiesaħ u biered’, kif ukoll dwar ‘attakki indiskriminattivi fuq ċivili’. Ingħad ukoll li nqatlu numru ta’ tfal waqt attakki mill-qawwiet tal-ajru Torok u l-bumbardamenti bil-mortars fuq zoni tal-Kurdi.
Il-President Trump, issa, qed iqabbel il-konflitt bejn il-qawwiet Torok u l-ġellieda Kurdi fil-grigal tas-Sirja ma’ ‘ġlieda bejn il-gruppi tat-tfal’. Dan wara li t-Turkija kienet qablet mat-talba tal-Istati Uniti biex, għalissa, tissospendi l-azzjoni militari dment li l-ġellieda Kurdi jitilqu miz-zona mal-fruntiera.
Intant, l-aħħar rapporti qalu li l-ġlied f’dawk l-inħawi kompla xorta, minkejja ċaħda min-naħa tal-President Erdogan. Dan fost numru ta’ splużjonijiet ġodda fil-belt ta’ Ras al-Ain, qrib il-fruntiera Sirjana.
Donald Trump kellu jiffaċċja kritika qalila dwar id-deċiżjoni tiegħu biex joħroġ lit-truppi Amerikani mis-Sirja qabel l-invażjoni — bil-President Amerikan, issa, qed jiddefendi din id-deċiżjoni li fissirha bħala ‘waħda mhix konvenzjonali’.
Il-Kurdi qablu biex jieqfu mill-ġlied fiz-zona bejn Ras al-Ain u Tal Abyad, fejn kienu saru l-agħar kumbattimenti mat-Torok – għalkemm ma ntqal xejn dwar ‘zoni oħrajn’.
Il-pawża fil-ġlied iddikjarata mit-Turkija segwiet it-taħditiet f’Ankara bejn il-President Erdogan u l-Viċi-President Amerikan Mike Pence. Dan fost il-ħsieb li l-ġlied jieqaf fuq perjodu ta’ ħamest ijiem, bl-Istati Uniti tgħin tiffaċilita l-irtirar tal-qawwiet Kurdi miz-‘zona tas-sigurtà’ tat-Torok, tul il-fruntiera.
//= $special ?>