Internazzjonali

Spanja: Aktar protesti ħorox f’Barċellona

S

 Il-protesti mid-dimostranti Katalani għadhom għaddejjin, bil-folol jesprimu r-rabja dwar is-sentenzi tal-ħabs li ngħataw lill-Mexxejja separatisti li jridu reġjun ta’ Katalonja indipendenti mill-kumplament ta’ Spanja.

Il-dimostrazzjonijiet wasslu għall-għeluq tal-knisja tas-Sagrada Familja, li hi fost l-akbar attrazzjonijiet turistiċi fil-belt ta’ Barċellona.

Dan wara li numru ta’ dimostranti għalqu d-daħla għal din il-knisja storika f’dan il-ħames jum konsekuttiv ta’ protesti. Fl-istess ħin kien għaddej strajk ġenerali li paralizza l-belt sħiħa ta’ Barċellona.

L-azzjonijiet tad-dimostranti kkaġunaw il-waqfien ta’ servizzi bil-ferrovija, bid-dimostranti anki jagħlqu l-aċċess minn diversi toroq ta’ din il-belt prinċipali Katalana.

Dimostrazzjoni oħra kbira saret fl-università ta’ Barċellona, b’mijiet ta’ eluf ta’ dimostranti minn kull rokna tar-reġjun iħejju aktar azzjonijiet ta’ protesta f’din il-belt għal matul il-jum.