Nies illi f’dawn il-jiem bdew japplikaw biex jifdu ċ-ċens spiċċaw sabu ma wiċċhom sorpriża ġdida – “taxxa” imposta mill-Gvern illi tlaħħaq xejn anqas minn €1,000.
Net News huwa infurmat illi sal-aħħar darba li ħarġet din l-iskema ta’ fidi ta’ ċnus, il-ħlas mitlub kien mal-għaxar darbiet anqas. “Irrabjati għax din mhi xejn ħlief taxxa fuq il-familji li jridu jifdu ċ-ċens”, qaltilna mara li inħasdet malli marret biex tapplika.
Dan is-sit ikkonferma b’mod indipendenti ma’ diversi nutara illi l-ħlas ta’ €1,000 mitlub mill-Gvern huwa xi ħaġa ġdida għalihom. Dawn il-flus se jkunu qed jintalbu mill-Awtorita’ tal-Artijiet wara li tiġi ivverifikata l-applikazzjoni.
Intant, wara li Net News ippubblika din l-aħbar, kien hemm bosta persuni li infurmawna dwar taxxi oħrajn li daħħal il-Gvern fl-aħħar ġimgħat – taxxi imposti mir-Reġistru tal-Artijiet.
